Lokali

Suċċess għas-sitt edizzjoni tal-inizjattiva tal-Għoti tad-Demm

Ittellgħet b’suċċess is-sitt edizzjoni tal-inizjattiva tal-Għoti tad-Demm orgnizzata mill-preżentatur tal-Programm ‘Marċi u Bandalori’ fuq NET FM Joe Chetcuti.

Din l-inizjattiva issa daħlet fis-sitt sena konsekuttiva u li matulha għadd ġmielu ta’ Każini tal-Banda, kif ukoll membri tal-Kmamar tan-Nar irrikorrew biex jagħtu d-demm u jgħinu biex kemm jista’ jkun il-Bank tad-Demm ikollu riserva tajba f’kull jum tas-sena.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Infatti matul il-jum kien hemm ‘il fuq minn 100 persuna li marret tagħti d-demm u dan ifisser li matul din l-inizjattiva nġabru madwar 80 borża demm.

Din l-attività fakkret ukoll it-25 sena ta’ Xandir tal-Programm ‘Marċi u Bandalori.’

F’kummenti ma’ Net News Joe Chetcuti tkellem dwar l-għan ta’ din l-inizjattiva filwaqt li qal dan huwa ġest nobbli li m’għandux prezz, iżda li bih wieħed jista’ jsalva l-ħajja ta’ dik il-persuna li tiġi bżonn tad-demm.

Minn naħa tagħha l-Public Relations Officer fi ħdan il-Bank tad-Demm Caroline Cassar tkellmet dwar l-importanza li wieħed jagħti d-demm b’mod regolari.

Intant, preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, ix-Shadow Ministers David Agius u Graziella Galea, it-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista Veronica Perici Calascione u c-Chief Operations Officer ta’ Net Media Clayton Tanti Gregoraci.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo