Gvern Nazzjonalista lest iġib kultura ġdida, kultura ta’ djalogu fejn jingħata spazju lil kulħadd sabiex iwassal leħnu fejn f’konverġenza npoġġu l-interessi tal-pajjiż l-ewwel.
Sostna dan il-Professur George Vital Zammit li huwa inkarigat mit-tfassil tal-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
F’diskors li għamel f’attività politika fil-Mellieħa, huwa tkellem dwar il-Konvenzjoni Nazzjonali organizzata mill-Partit Nazzjonalista fil-jiem li għaddew fejn iddeskriviha bħala spazju miftuħ u san fejn kulħadd tkellem bil-libertà ta’ kif jixtiequ jaraw lil Malta u Għawdex, inkluż dawk li forsi ma jħaddnux twemmin politiku Nazzjonalista.
George Vital Zammit insista dwar il-prinċipju ta’ djalogu li ma jfissirx li tgħaddi tiegħek jew li taqbel bilfors imma li tinstab konverġenza fuq il-prinċipji għall-ġid komuni ta’ pajjiżna, għall-għaqda nazzjonali.
Huwa sostna li Gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed iġib din il-kultura ġdida, għal ġid tal-benesseri tal-familji, ta’ uliedna, tal-komunitajiet li jgħaġnu l-identità tagħna.
Dan filwaqt li insista li l-politika ma titkejjilx bir-retorika jew propoganda biss iżda bir-riżultati, billi n-nies ikunu jafu l-verità, billi nħarsu lejn dak li jgħaqqdna u mhux li jifridna – u aktar minn hekk, inħarsu lejn il-ġejjieni b’tama u kuraġġ.
George Vital Zammit saħaq li Partit Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg qiegħed jagħmel proprju dan, li jisma’ u mhux jiġġudika, li jgħaqqad u mhux jifred – partit iffokat għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>

