Lokali

Attakki mill-qalba tal-Labour biex Calyton Bartolo ma jitħalliex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali

Clayton Bartolo "jistenna dikjarazzjoni ċara" mill-partit

Il-klikka ta’ Kastilja li tikkontrolla parti żgħira mill-Partit Laburista bdiet kampanja ta’ attakki fuq l-eks Ministru Clayton Bartolo – li għadu backbencher tal-Labour. Dan bil-għan li hu jibqa’ barra mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Tard il-Ħadd filgħaxija, Bartolo kellu jinfexx fil-Facebook biex jipprova jirritalja għal dawn l-attakki, li qed jibnu fuq l-akkużi serji li qed taffaċja martu.

Clayton Bartolo kiteb b’mod dirett: “l-intenzjonijiet huma ċari – biex ikompli għaddej l-attakk fuqi u fuq familti bil-konsegwenza li nitwaqqaf milli nagħti s-servizz tiegħi lill-Partit Laburista…ma nistax ngħin lill-Partit kemm nixtieq. Jiena dejjem sħaqt li lest li nservi – kemm lill-Partit u anke lill-pajjiż”.

U minkejja li Bartolo ripetutament qed jgħid li lest iservi, minn ġewwa xorta ma jrieduhx.

“Konxjament naf li dawn l-attakki qegħdin jiġu moħmija biex ifixklu proċess li riesaq lejn l-aħħar fażijiet tiegħu. Għalhekk nistenna li d-dikjarazzjonijiet neċessarji jsiru mill-aktar fis sabiex jiena nkun nista’ nkompli bix-xogħol tiegħi, nidħol lura fil-Grupp Parlamentari Laburista u nikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-istess Partit.”