Lokali Qorti

Eks surġent tal-Pulizija jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ serq ta’ arma tan-nar fiż-Żejtun

Glenn Carabott, ta’ 45 sena mill-Imtarfa u eks surġent tal-Pulizija, inżamm arrestat wara li ġie mixli b’serq u bi ksur ta’ żewġ digrieti tal-qorti li bihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li r-reat allegat seħħ fit-22 ta’ Jannar minn residenza fiż-Żejtun, fejn insterqu arma tan-nar u rifle.

Skont il-Prosekuzzjoni, mill-analiżi tal-kameras tas-sigurtà rriżulta li fis-serqa kienu involuti tliet persuni: tnejn li daħlu fir-residenza u persuna oħra li baqgħet barra tgħasses u ddur mal-akkwata. Il-vittma, raġel ta’ 80 sena, kien ħareġ mid-dar ftit qabel ma daħlu s-suspettati.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-persuna li baqgħet barra ma kellhiex wiċċha mgħammad u ġiet identifikata bħala Carabott. Ġiet identifikata wkoll il-vettura marbuta mal-każ u saret localisation tal-mowbajl. Waqt tfittxija fir-residenza tal-imputat, instabu ħwejjeġ li allegatament kien liebes fil-filmati tas-sigurtà. Iż-żewġ persuni l-oħra allegatament involuti għadhom ma ġewx identifikati.

Quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake, l-imputat wieġeb li mhux ħati. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravità tal-akkużi, il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi, ir-riskju li jsir reat bl-armi allegatament misruqa, kif ukoll minħabba li l-vittma għad trid tixhed.

Id-difiża sostniet li l-provi prinċipali, fosthom il-filmati u l-ħwejjeġ, jinsabu diġà fil-pussess tal-Pulizija u għalhekk ma jistax ikun hemm intralċ ta’ provi. Żiedet li l-fedina penali tal-imputat mhijiex waħda allarmanti.

Il-Qorti qieset li f’dan l-istadju jeżistu biżgħat serji u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christina Delia u Antonello Magri flimkien mal-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Nicholas de Gaetano, filwaqt li l-Avukat Nicholas Mifsud deher għall-akkużat.