Lokali

“Ħadd ma jitħalla lura – irridu Malta u Għawdex aħjar” – Il-Kap tal-PN Alex Borg b’messaġġ qawwi ta’ għaqda nazzjonali

Dan huwa l-mument li ħadd ma jitħalla lura; dan huwa l-mument li ż-żgħażagħ, anzjani, familji, kulħadd f’għaqda waħda mhux partiġjana imma nazzjonali sabiex Malta timxi ‘l quddiem bil-għan li naraw Malta u Għawdex aħjar.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’messaġġ qawwi ta’ għaqda nazzjonali f’attività politika fil-lokalità tal-Mellieħa hekk kif insista li l-Partit Nazzjonalista preparat imexxi l-pajjiż ‘il quddiem mhux b’mod partiġjan imma f’għaqda nazzjonali ġenwina.

Alex Borg insista li l-familji Maltin u Għawdxin qed jistennew azzjoni u mhux retoriku, bidla li tindirizza l-isfidi reali tal-pajjiż f’dak li għandha x’taqsam popolazzjoni, saħħa, infrastruttura filwaqt li sostna li l-poplu jrid tama ġdida.

B’rabta mal-kwistjoni tal-Prim Imħallef, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li hu dejjem mexa b’rispett mhux biss lejn l-istituzzjonijiet u l-ġudikatura iżda anke lejn il-poplu Malti u Għawdxi, b’sens ta’ maturità u kawtela.

Huwa spjega li kien ippreżenta 4 ismijiet lill-Prim Ministru madanakollu Robert Abela totalment injora l-element ta’ diskussjoni u djalogu u xorta waħda baqa’ jġib l-interessi partiġjani tiegħu qabel dawk nazzjonali.

Alex Borg insista dwar l-importanza tal-kunfidenzjalità, b’rispett lejn l-Imħallfin sedenti u għalhekk kompla li tul il-jum tas-Sibt ippropona mekkaniżmu li jgħola mil-livell politika li jħares biss lejn l-interess nazzjonali.

Madanakollu preċiża jgħid li anke hawn, il-Prim Ministru minflok iħares lejn l-interess tal-pajjiż, ma jridx jiddiskuti imma jrid jibqa jsabbat saqajh u jagħmel ta’ rasu, jimponi flok jiddjaloga. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Prim Ministru sabiex ma jibqax jirraġuna b’mod partiġjan.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li dan huwa obbligu li għandu lejn il-pajjiż u mhux lejn il-partit biss, hekk biss nistgħu nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż – bid-diskussjoni u rġulija – hekk kif il-poplu jista’ jerġa’ jikseb il-fiduċja fil-partiti politiċi.

B’rabta mal-aħħar aġġornamenti mir-Reġjun tal-Golf, Alex Borg insista li d-dinja qed tevolvi u li l-mexxejja Ewropej għandhom responsabbiltà kbira sabiex iunu katalisti għall-paċi waqt li joffru garanziji ekonomiċi.

Huwa spjega li ma nistgħux nibqgħu naraw aktar qtil ta’ innoċenti, tfal u familji bla ħajja – u spjega li hu dejjem se jkun favur in-newtralità u l-paċi.