Internazzjonali

Iċ-Ċina u r-Russja jikkundannaw l-attakki fuq l-Iran

Ritratt: Reuters

Filwaqt li d-dinja qed tevalwa l-passi inevitabbli li jmiss wara l-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa fuq l-Iran, ir-Russja u ċ-Ċina kienu l-ewwel superpotenzi li kkundannaw l-offensiva li l-Istati Uniti u Iżrael qed imexxu kontra l-Iran wara li fallew l-aħħar negozjati biex l-Iranjani jirrinunċjaw għall-programmi nukleari taghom.

Iċ-Ċina, fost oħrajn, sejħet biex jieqfu l-azzjonijet militari fil-Golf Persjan u kkundannat b’mod partikulari l-offensiva bħala abbuż serju tas-sovranità u s-sigurtà tal-Iran.

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal, sadanittant, li l-qtil tal-Ayatollah Khamenei jirrifletti abbuż ċiniku ta’ kull kunċett ta’ moralità umana u l-liġi internazzjonali.

Fl-aħħar sigħat kien ukoll ikkonfermat li l-Ġeneral Mohammad Pakpour, il-Kap Kmandant tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran u l-Ministru tad-Difiża Iranjan, Aziz Nasirzadeh it-tnejn tilfu ħajjithom b’kaġun tal-burraxka tal-missili fuq il-kapitali. Mifhum ukoll li nqatlu talanqas 40 kmandant militari ieħor tal-Iran waqt l-ewwel fażi tal-attakki mill-Amerikani.

Għalissa, il-President Iranjan, Masoud Pezeshkian; il-Kap tal-Ġudikatura Iranjana, Gholamhossein Mohseni Ejei, u r-reliġjuħ konservattiv Alireza Arafi għandhom imexxu lill-Iran għal żmien temporanju u sakemm jilħaq Ayatollah ġdid permanenti.

Fl-istess waqt, mijiet ta’ eluf ta’ nies – fosthom turisti – spiċċaw iżolati f’diversi terminals u fejn ħafna minnhom spiċċaw ittrasferiti lejn ajruporti oħrajn wara li Iżrael, il-Qatar, is-Sirja, l-Iran, l-Iraq, il-Kuwajt, Abu Dhabi u Bahrain iddeċidew li jagħlqu l-ispazji tal-ajru.

Żvilupp ieħor sinifikanti, ikkonfermat mit-Tmexxija Iranjana, kien il-qtil, fl-attakki, tal-eks-President Iranjan Ahmadinejad. Il-midja Iranjana flimkien mal-midja internazzjonali qed jirrapportaw li l-eks President tal-Iran, Mahmoud Ahmadinejad, inqatel waqt l-attakki tal-Amerikani u l-Iżraeljani fl-aħħar 24 siegħa.

Ahmadinejad serva bħala President tal-Iran mill-2005 sal-2013, u kien ikkunsidrat matul dak il-perjodu bħala wieħed mill-aktar għedewwa ħorox ta’ Iżrael.