Lokali

Il-Labour konvint li se jirbaħ l-elezzjoni

Issuktaw bil-ħidma mbierka, jibqa’ demmkom jiġri sħun, seddqu talbkom, qawwu qalbkom, tagħna r-rebħa terġa tkun

Kien dan il-mod isteriku u partiġjan għall-aħħar li biħ il-Ministru Silvio Schembri temm id-diskors tiegħu f’attività politika l-Ħadd filgħodu fin-Naxxar. Fl-istess waqt il-Mexxej Laburista Robert Abela li fl-istess attività politika spiċċa d-diskors tiegħu jitkarrab lil dawk preżenti biex jingħaqdu miegħu f’din is-sena tal-azzar.

F’diskors ta’ siegħa Abela xorta waħda ma għamel l-ebda referenza għad-dikjarazzjoni ġuramaentata tal-Imħallef Wenzu Mintoff u lanqas caħad li tkellem ma xi Imħallef ieħor.

Dikjarazzjonijiet xokkanti ta’ indħil fil-ġudikatura minn naħa ta’ Robert Abela li hu fl-ebda ħin ma indirizza.

Minflok huwa ffoka fuq il-Viżjoni 2050, imħabbar b’xeba pompa u miljuni ta’ ewro fejn iddeskriviha bħala wegħda li se jwettaq.

 Madanakollu din il-wegħda tinkludii ftit jew wisq wegħdiet li ilhom jiġu mwegħda mat-13-il sena tant li fost oħrajn l-investiment fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Dan filwaqt li hemm imwiegħed it-trasport tal-massa, li suppost fil-jiem li ġejjin il-Ministru Chris Bonett se jkun qiegħed jiżvela xi ħaġa għaliex id-dokument tal-Viżjoni 2050 ma offra xejn f’dan ir-rigward. Ironikament, din hija wegħda oħra li l-poplu ilu jisma għal dawn l-aħħar 5 snin.

U flokk semma x’toffri din il-viżjoni, fost oħrajn kif se jkun qed jindirizza l-isfidi tal-popolazzjoni u traffiku intilef f’diskors partiġjan u retorika solita tiegħu hekk kif minflok iffoka fuq l-għaqda nazzjonali kompla jfittex il-firda b’attakki partiġjani kontinwi fost oħrajn fil-konfront tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u x-Shadow Minister Joe Giglio, fi żmien meta l-għaqda hija essenzjali għall-ħatra ta’ Prim Imħallef.