Lokali

BirdLife Malta tikkundanna d-deċiżjoni tal-Gvern li jerġa’ jiftaħ l-applikazzjonijiet ġodda tal-insib


BirdLife Malta tikkundanna b’qawwa d-deċiżjoni tal-Gvern li ħabbar permezz tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU), li jerġa’ jiftaħ applikazzjonijiet ġodda għal-Liċenzja Ġenerali tal-Insib.

Din id-deċiżjoni tkompli tniżżel lil Malta ‘l isfel, sostniet BirdLife Malta, fejn jidħlu l-obbligi li ntrabtet bihom meta l-pajjiż issieħeb fl-Unjoni Ewropea. L-insib għall-għasafar tal-għana kellu jinqata’ maż-żmien wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u suppost ma nħarġet l-ebda liċenzja ġdida. Il-prattika kellha tkun ristretta biss biex jinbeda programm ta’ tnissil fil-perjodu ta’ transizzjoni. Minflok ma ħalla l-insib imut mewta naturali, il-Gvern għażel li jerġa’ jattivah bis-saħħa.

Il-Gvern issa se jżid ġenerazzjoni ġdida ta’ nassaba f’attività li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonkludiet diġà darbtejn li tikser il-liġi tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament fuq kemm il-Gvern jipprova ipinġiha bħala xi attività xjentifika.

Fl-2018, il-Qorti ddeċidiet li d-deroga ta’ Malta għall-insib tal-għasafar talgħana għal skop rikreattiv kienet illegali. F’Settembru 2024, il-Qorti reġgħet iddeċidiet kontra Malta u ma laqgħetx ‘l hekk imsejjaħ qafas xjentifiku ta’ riċerka li ħa post id-deroga rikreattiva. Minkejja li repetutament Malta tilfet il-battalji legali u minkejja t-twissijiet ċari mill-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern jibqa’ jara kif se jdur mal-iskemi tal-insib f’attentat biex idur mad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar.