Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jimpenja ruħu biex jara li l-għaqdiet jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ biex min-naħa tagħhom jgħinu lil dawk fil-bżonn, fosthom lil tfal u żgħażagħ.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta żar lis-Sależjani ta’ Don Bosco f’Tas-Sliema, li ilhom jaqdu lill-komunità sa mill-1903 b’ħidma edukattiva, reliġjuża u soċjali, b’enfażi partikolari fuq il-formazzjoni u l-appoġġ lit-tfal u liż-żgħażagħ.
Il-Kap tal-PN esprima l-apprezzament tiegħu u tal-PN għall-kontribut siewi li s-Sależjani taw lill-pajjiż tul is-snin permezz tal-Oratorju, l-Iskola St Patrick’s, Dar Osanna Pia u Dar Mamma Margherita, kif ukoll bl-istamperija storika tagħhom.
Matul iż-żjara, Alex Borg kellu l-opportunità jisma’ dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ tal-lum, b’mod speċjali dawk li jgħixu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, filwaqt li rrikonoxxa l-bżonn li s-soċjetà tkompli tinvesti f’ambjenti siguri u ta’ sostenn. Hu żar ukoll lis-Sorijiet tal-Ursolini, li għal snin twal ilhom jilqgħu u jieħdu ħsieb trabi u tfal.
Alex Borg tenna l-importanza li s-soċjetà timxi ’l quddiem bla ma ħadd jitħalla jaqa’ lura. Hu saħaq fuq l-importanza li l-istituzzjonijiet u l-komunità jaħdmu flimkien biex jagħtu futur aħjar lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.
Akkumpanjat mix-Shadow Minister għan-Newrodiversità u l-Ħarsien tat-Tfal Albert Buttigieg, ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni Ivan Bartolo u l-kandidata tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Norma Camilleri, hu ntlaqa’ fost oħrajn mill-Provinċjal tas-Sależjani ta’ Don Bosco Dun Eric Cachia SDB u mir-Rettur tal-Oratorju Dun Gerald Mangion SDB.



