“Aħna nwiegħdu li se nkomplu nagħtu l-appoġġ tagħna lil skejjel u residenzi bħal St Patrick’s – li jagħtu għajnuna fejjieda lil żgħażagħ li jkollhom numru ta’ diffikultajiet, sabiex jgħixu l-ħajja bl-aktar mod diċenti”.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta t-Tnejn filgħodu żar ir-residenza u anke l-iskola sekondarja tas-Sależjani f’Tas-Sliema.


Alex Borg spjega illi permezz ta’ residenzi u skejjel bħal dawn, huwa possibbli li t-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikomplu jgħixu ħajja diċenti minkejja d-diffikultajiet li jaffaċċjaw. Fejn spjega wkoll li pajjiżna għandu jaħdem sabiex jelimina l-istigma li ddur ma’ residenzi bħal dawn. Filwaqt li tingħata wkoll għajnuna fejjieda għal dawn iż-żgħażagħ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien milqugħ mill-amministrazzjoni li spjegawlu kif attwalment huma 17 ir-residenti li jgħixu fis-St Patrick’s – filwaqt li ħafna subien oħra jattendu l-iskola sekondarja.
Fir-residenza, is-subien jibdew mill-età ta’ 10 snin sa l-età ta’ 18-il sena. Fejn jingħataw l-għajnuna meħtieġa kemm psikoloġika u anke emozzjonali, filwaqt li jitgħallmu wkoll jaħslu l-ħwejjeġ, isajjru, u anke jkollhom ċans li jmorru jaħdmu u jgawdu l-ħin liberu tagħhom mal-ħbieb tagħhom.

Fl-iskola, is-subien għandhom l-opportunità li jitgħallmu numru ta’ suġġetti fosthom l-applied media u anke l-health and social care – apparti suġġetti tradizzjonali.
Hawn, iż-żgħażagħ – filwaqt li qed ikomplu bil-mixja edukattiva tagħhom – jirċievu wkoll l-għajnuna kollha li jkollhom bżonn.
Iż-żgħażagħ tar-residenza u anke tal-iskola, jkunu referuti għas-St Patrick’s permezz ta’ social worker, u hemmhekk huma jingħataw l-għajnuna kollha li jkollhom bżonn sabiex ikomplu jgħixu ħajja ta’ kwalità.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg għal din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Ministers Ivan Bartolo u Albert Buttigieg flimkien mal-kandidat tal-PN Norma Camilleri.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu ċ-ċans ukoll li jżur lis-sorijiet tal-Ursolini fl-istess lokalità.


