Internazzjonali

Il-konflitt tal-Iran jinfirex b’rata allarmanti madwar ir-reġjun tal-Golf

L-offensiva konġunta tal-Istati Uniti u Iżrael fuq l-Iran issa qalbet sew f’konflitt mifrux fuq diversi bnadi anki ‘il hinn mil-Lvant Nofsani…Żviluppi allarmanti li issa anki qed jaffettwaw lil Ċipru; il-gżira Stat membru tal-Unjoni Ewropea u li hi l-unika pajjiż-membru f’periklu li jintlaqat mill-missili tal-Iranjani.

Din is-sitwazzjoni kienet imbassra minn qabel l-offensiva fuq l-Iran – b’mod partikulari mill-Istati tal-Golf li, bħalissa, qed iġarrbu l-attakki tal-Iranjani fuq il-bażijiet militari tal-Amerikani f’arthom…Pajjiżi bħall-Qatar, Bahrain, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab – bl-aħħar rapporti jirreferu għal splużjonijiet ġodda f’Riyadh, fl-Arabja Sawdija.

Filwaqt li kompla bil-ferneżija tal-attakki, l-Iran, li qed jaddotta aġenda ta’ emerġenza relatata mal-ogħla livell ta’ konflitt, għamilha ċara li mhux se jinnegozja mal-Istati Uniti, inkella ma’ Iżrael jew ma Alleati oħrajn ta’ Washington.

Sadanittant, il-Libanu wkoll spiċċa fl-eqqel tal-ostilitajiet peress li l-moviment Heżbollah tal-milizji Xiti Lebaniżi hu obbligat li jiddefendi lill-Iran bħala l-pajjiż li qed jisponsorjah bil-fondi u l-armamenti.

Fil-fatt, il-Heżbollah, fl-aħħar sigħat, sparaw ir-rokits u d-drones lejn Iżrael bi tpattija għall-qtil, fi tmiem il-ġimgħa, tal-Ayatollah Ali Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-Iran, li spiċċa vittma ta’ attakk bi preċiżjoni tal-Amerikani fuq il-kumpless tiegħu f’Tehran.

L-azzjoni rriżultat f’ritaljazzjoni immedjata u effettiva min-naħa ta’ Iżrael li fetaħ offensiva ġdida fuq il-grupp tal-milizji…Dan fost twissija lill-Iżraeljani biex jippreparaw għal jiem twal ta’ kumbattimenti. Hemm ukoll indikazzjonijiet li l-Ħeżbollah, issa, irnexxielu jibni mill-ġdid il-kapaċitajiet militari tiegħu wara li d-disfatti li kien sofra fil-konflitti kbar tal-2024 ma’ Iżrael.

Għalkemm għexieren ta’ eluf ta’ Iranjani qed jiċċelebraw il-qtil ta’ Khamenei li, għal snin, mexxa reġim mill-aktar qattiel u brutali, la l-President Amerikan, Donald Trump u lanqas il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ma provdew ġustifikazzjoni għal din l-offensiva….Dan meta, qabel, ma kien hemm l-ebda theddida imminenti mill-Iran fost is-sinjali li d-delegazzjonijiet Iranjani kienu qed jikkunsidraw it-talbiet inizjali tal-Amerikani biex ir-reġim Iżlamiku jnaqqis mill-programmi nukleari tiegħu.

Intant, l-aħħar mewġa ta’ attakki mill-Iżraeljani fuq Bejrut u l-inħawi lejn in-Nofsinar tal-Libanu ssarrfu f’talanqas 40 maqtula.

Hu minnu wkoll li l-Heżbollah, li hu l-aktar moviment armat b’saħħtu fil-Libanu, sofra daqqa kbira oħra bil-konferma li Kap ieħor spiċċa maqtul fl-aħħar azzjonijiet ta’ Iżrael. Il-Kap inkwistjoni, Hussein Makled, kien imexxi lis-servizzi sigrieti tal-Ħeżbollah u  Iżrael qed jirreferi għalih bħala ‘terrorista ewlieni’.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-qawwiet Iżraeljani kienu qed iwissu liċ-ċittadini Lebaniżi biex jevakwaw b’urġenza miz-zoni lejn in-naħa t’isfel ta’ Bejrut. Dan fost it-tħejjijiet biex il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani jattakkaw l-infrastruttura tal-Ħeżbollah fl-inħawi.