L-Assoċjazzjoni tal-Operaturi ta’ Tratturi u Trailers (ATTO) qed tisħaq li l-konġestjoni persistenti, il-parkeġġi limitati u l-kunflitt kontinwu mal-football qed jagħmlu l-logistika fil-Port il-Kbir insostenibbli.
Minkejja li dawn il-kwistjonijiet ġew imressqa lill-Ombudsman sena ilu, inkluż il-multi kontinwi u l-ħtieġa ta’ ottimizzazzjoni operattiva f’Laboratory Wharf u t-telgħa ta’ Kordin, il-membri tal-ATTO għadhom qed jiffaċċjaw l-istess sfidi kritiċi, u dan qed ipoġġi s-supply chain ta’ Malta taħt pressjoni kbira.
“L-ewwel ktibna lill-Ombudsman fit-17 ta’ Frar 2025 u l-intervent tiegħu wassal għal xi titjib, inkluż tnaqqis fil-multi. Madankollu, filwaqt li l-membri tagħna għadhom iħallsu l-miżati kollha regolatorji u ta’ l-użu tat-terminal, Transport Malta mhux biss qed tonqos milli jipprovdi l-appoġġ operattiv meħtieġ għal operat sigur u effiċjenti ta’ trailers, talli qed tkompli twaħħal multi b’mod inġust,” qal Joseph Bugeja, Chairman ta’ ATTO.
ATTO ilha wkoll tikkollabora mal-Pulizija u mal-Malta Football Association minħabba l-kunflitt bejn l-operat tat-trailers fil-weekend kull meta jkun qed jintlagħab il-football fit-Tony Bezzina Stadium. Minħabba n-nuqqas ta’ parkeġġ, l-operaturi qed ikollhom jipparkjaw it-trailers fuq it-triq li twassal għall-port.
F’dawn l-aħħar sentejn, l-operaturi internazzjonali ta’ trailers f’Malta qalgħu €36,829 f’multi.
“L-operat tal-membri tagħna jgħaqqad lil Malta mal-Ewropa kuljum u huma dawk li jwasslu dak kollu li huwa essenzjali f’Malta. Madankollu, qed jiġu penalizzati b’mod inġust għal ċirkostanzi kompletament barra mill-kontroll tagħhom,” żied jgħid Joseph Bugeja.
ATTO qed tantiċipa wkoll li ċerti żviluppi fil-ġejjieni, inkluż il-Kumpless Sportiv il-Ġdid ta’ kordin u l-fatt li Raħal Ġdid se tkun il-Belt Ewropea ta’ l-iSport 2026, se jkomplu jwasslu għal aktar konġestjoni ta’ l-infrastruttura. Ma’ dawn se jkun hemm iż-żieda fl-attività minħabba ż-żieda ta’ vjaġġi għal merkanzija bejn Malta u Għawdex u vapuri ġodda li jgħaqqdu l-Freeport, Ras Ħanżir u l-Port ta’ Mġarr.
ATTO qed tisħaq għal intervent immedjat biex jinħoloq post dedikat għall-ipparkjar ta’ trailers vojta maħsuba esklussivament għall-esportazzjoni.
“L-ispazju diġa sar limitat ħafna u issa se nkunu mistennija naqsmu l-ftit spazju ma’ iżjed operat ġdid. Fl-istess ħin, l-operaturi tagħna qed jiġu penalizzati għal ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tagħhom. Mingħajr intervent urġenti, il-konġestjoni u l-ineffiċjenzi se jkomplu jmorru għall-agħar. Is-sitwazzjoni issa saret insostenibbli,” temm jgħid Bugeja.
//= $special ?>

