Lokali

Il-Maltin f’Abu Dhabi jinsabu flimkien u sikuri

L-Oppożizzjoni tinsab lesta taħdem mal-Gvern biex l-interessi ta’ pajjiżna jiġu salvagwardjati, biex kull cittadin Malti li jitlob l-għajnuna jingħata kull attenzjoni, biex bħala pajjiz ngħaddu minn dan il-mument ta’ sfida b’kuraġġ u determinazzjoni.

Dan qalu fil-Parlament il-Kap tal-PN Alex Borg, wara li s-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Golf kompliet teskala fl-aħħar jiem.

Fil-messaġġ tiegħu, Alex Borg wera sens ta’ ringrazzjament għall-isforzi kollha li qed isiru b’risq il-Maltin li spiċċaw maqbuda f’din is-sitwazzjoni.

Fil-Parlament ħareġ illi huma aktar minn 130 iċ-ċittadini Maltin li talbu l-assistenza fir-reġjun sabiex jitilqu mill-postijiet affetwati, wara li nqabdu fiz-zoni milquta. Bl-awtoritajiet Maltin jappellaw kontra vjaġġar li mhux meħtieġ lejn dawn il-pajjiżi.

Intant, f’kummenti lil Net News – Andre Bonello, li huwa Malti li jaħdem f’Abu Dhabi, stqarr li l-Maltin jinsabu sikuri.

U għalkemm f’Abu Dhabi s-sitwazzjoni hija waħda ta’ ftit tensjoni – pero, issa, hija aktar kalma.

Bonello spjega li l-unika mument ta’ biża’ kien meta huma ħassew t-theżżiż tal-missili.

U spjega illi l-hotspots huma l-ajruporti. Iżda xorta waħda dawn se jkunu qed jiffunzjonaw b’mod normali. Filatt kemm il-piloti u anke ħaddiema oħra fl-ajruporti qed jirritornaw għax-xogħol b’mod normali.

Fl-aħħar jiem it-tensjoni fil-Lvant Nofsani eskalat sew, tant li ntlaqtu anke bażijiet Amerikani f’Abu Dhabi. Dan apparti li waqt ritaljazzjoni mill-Iranjani, intlaqtu wkoll zoni prominenti f’Dubaj.