Knisja Lokali

Il-Papa Ljun XIV ma jeskludix li jżur Malta wara li jlesti miż-żjarat li għandu ppjanati

Ritratt: OPR

It-Tnejn filgħodu, il-President Myriam Spiteri Debono kellha udjenza privata mal-Qdusija Tiegħu Papa Ljun XIV, fil-Vatikan.

Fl-ewwel kummenti tagħha, il-President ta’ Malta fissret il-laqgħa tagħha mal-Papa bħala waħda profonda u sinifikanti, li matulha l-Papa tkellem dwar diversi temi, b’mod speċjali s-sitwazzjoni globali internazzjonali, fosthom fil-Lvant Nofsani.

Il-Papa u l-President tkellmu wkoll dwar ir-relazzjonijiet bilaterali tajba, u l-kooperazzjoni li teżisti bejn il-Knisja u l-Istat ta’ Malta.

Il-Papa wera interess partikolari dwar Malta. Semma l-Provinċja Agostinjana Maltija. Matul din id-diskussjoni, il-President ta’ Malta rreferiet għall-istedina biex il-Papa jżur pajjiżna, li għamillu l-Prim Ministru Robert Abela fil-laqgħa li kellhom flimkien. Il-President tenniet din l-istedina u l-Papa ma eskludiex li, wara ż-żjarat li għandu ppjanati, iżur Malta.

L-udjenza privata kienet segwita minn laqgħa tad-delegazzjoni Maltija mal-Papa, li għaliha attendew id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, u uffiċjali mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, fosthom is-Segretarju tal-Presidenza, Moira Attard.

Matul din il-laqgħa sar skambju ta’ rigali, fejn il-President ta’ Malta, f’isem pajjiżna, tat riljev fil-bronż ta’ San Pawl, maħdum mill-artist Chris Ebejer, bħala rigal lill-Papa fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu. Il-Presidenza kienet diġà għaddiet ukoll donazzjoni li permezz tagħha kien akkwistat apparat mediku ġdid għall-klinika Ambulatorio Madre di Misericordia, biex jintuża bħala parti mis-servizzi mediċi offruti b’xejn lill-pazjenti bi bżonnijiet materjali akuti li jmorru hemm għall-kura.

L-ewwel pazjenta tal-Ambulatorio Madre di Misericordia li bbenefikat minn dan l-apparat mediku speċjalizzat kienet Peruvjana mill-eks djoċesi tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV.

Wara l-laqgħat mal-Papa, il-President ta’ Malta mexxiet delegazzjoni għal laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, akkumpanjat mis-Segretarju tal-Vatikan responsabbli mir-Relazzjoni mal-Istati u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, l-Arċisqof Paul R. Gallagher.

Matul din il-laqgħa wkoll, iż-żewġ partijiet iddiskutew diversi temi, fosthom is-sitwazzjoni internazzjonali u ġie enfasizzat l-importanza tad-djalogu u l-paċi fuq livell globali. Ġew innotati wkoll ir-relazzjonijiet bilaterali tajba li hemm bejn is-Santa Sede u Malta. Id-diskussjoni kienet tinkludi wkoll l-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni demografika.