Lokali

Il-pellegrinaġġ tad-Duluri fil-Belt jitmexxa mill-Arċisqof

F’Jum Id-Duluri, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu, l-Arċisqof ta’ Malta se jiċċelebra quddiesa fid-9:30am, fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta u filgħaxija, fis-6pm, imexxi l-pellegrinaġġ devozzjonali tad-Duluri mat-toroq tal-Belt Valletta li joħroġ mill-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Ta’ Ġieżu.

Il-Ħadd 29 ta’ Marzu, fid-9:30am, l-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni tat-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ u l-palm u l-Pontifikal fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Il-Ħadd 8 ta’ Marzu, fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra l-quddiesa tat-tielet Ħadd tar-Randan fil-Knisja ta’ Sant’Antnin f’Għajn Dwieli, Raħal Ġdid u l-Ġimgħa 13 ta’ Marzu, fis-6:00pm, l-Arċisqof imexxi pellegrinaġġ bl-istatwatar-Redentur matul it-toroq tal-Isla. Wara jiċċelebra quddiesa fil-Kolleġġjata Bażilika ta’ Marija Bambina.
Is-Sibt 14 ta’ Marzu, fil-5:pm, l-Arċisqof jingħaqad f’mument ta’ talb mal-adolexxenti li se jirċievu l-griżma tal-isqof din is-sena. Wara jkun hemm ħin għall-mistoqsijiet. L-attività se ssir fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina.
Il-Ħadd 15 ta’ Marzu, fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra l-quddiesa tar-raba’ Ħadd tar-Randan fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija fl-Imqabba.