Il-Mexxejja tal-Kanada u l-Indja konfermaw ti-tijib sinifikanti fir-relazzjonijiet bilaterali wara snin ta’ tensjoni fuq livell diplomatiku u wara sensiela ta’ retorika aggressiva mill-Gvernijiet ta’ Ottawa u New Delhi.
Fil-fatt, iż-żewġ pajjiżi, issa, ħabbru sensiela ta’ ftehim, fosthom ftehim għall-enerġija nukleari valida għal għaxar snin, grazzi għall-hekk-imsejjaħ ‘reset’ fir-relazzjonijiet.
Il-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney u l-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, anki kkommettew pajjiżhom għal kooperazzjoni sinifikanti – fuq livell bilaterali – fis-setturi kruċjali tat-teknoloġija, l-ispazju, id-difiża u l-edukazzjoni.
Intlaħaq anki ftehim rigward proġetti tal-futur li huma relatati mal-minerali kritiċi.
Il-Prim Ministru Carney, waqt diskors, qal li l-Kanada u l-Indja, issa, qablu li jikkonkludu ftehim għall-kummerċ ħieles — li kien ilu jitfassal għal snin — sal-aħħar ta’ din is-sena.
Fl-istess ħin, iż-żewġ pajjiżi qed jaħsbu għat-tkattir ta’ politika li tnaqqas mill-impatt tat-tariffi kummerċjali aggressivi fil-konfront tagħhom min-naħa tal-Istati Uniti.
Mark Carney, sa mill-bidu tal-leġislatura, kien qed jaħdem biex itejjeb ir-relazzjonijiet ma’ New Delhi.
Dan wara li l-eks Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, kien akkuża lit-Tmexxija Indjana dwar konnessjoni mal-assassinar, fl-2023, ta’ separatista mill-komunità tas-Sikh, li kien seħħ proprju fil-Kanada…Pajjiż fejn hemm il-komunitajiet imdaqqsin tal-Indjani.
Il-każ kien wassal għall-iffriżar kważi totali tar-relazzjonijiet bejn l-Indja u l-Kanada – biż-żewġ pajjiżi jkeċċu lid-diplomatiċi ta’ xulxin filwaqt li kanċellaw is-servizzi tal-visa fost il-proċessi reċiproki karatterizzati minn ‘sens ta’ ostilità’.
Iżda mindu Carney ħa l-poter, is-sena l-oħra, il-Kanada u l-Indja setgħu jibnu mill-ġdid ir-relazzjonijiet tagħhom…Dan ukoll waqt li l-Gvern ta’ Carney wassal il-messaġġ li ‘ma jaħsibx li l-Indja setgħet kienet involuta fi kwalunkwe reati vjolenti li seħħew fl-artijiet tal-Kanada’.
Il-każ tal-erba’ irġiel akkużati dwar il-qtil tas-separatista għadu qed jinstama’ mill-qrati tal-Kanada.
Madankollu, Carney u Narenda Modi, waqt it-taħditiet f’ Delhi, enfasizzaw il-fatt li r-relazzjonijet bilaterali issa qalbu sew għall-aħjar u li ż-żewġ pajjiżi se jgħinu lil xulxin biex jattwaw it-tragwardi rispettivi.
//= $special ?>

