Filwaqt li rrankat il-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iran, il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, ftit tal-ħin ilu, kien qed jispjega lill-Parlament (f’Londra) ir-raġunijiet għalfejn iddeċieda biex jipprovdi livell ta’ sostenn lill-Amerkani f’dawn iż-żmenijiet perikolużi għad-dinja.
Dan wara li r-Renju Unit, f’deċiżjoni kontroversjali, aċċettat it-talba tal-Istati Uniti biex il-qawwiet Amerikani jużaw il-bażijiet militari tal-Britanniċi għall-attakki fuq is-siti minfejn l-Iranjani qed jisparaw il-missili…..Sitwazzjoni li, fost oħrajn, qed tqanqal mhux ftit tal-kritika.
L-Amerikani qalu li t-talba partikulari saret minn aspett ta’ ‘difiża’, waqt li Keir Starmer stqarr li ‘ir-Renju Unit tgħallem mill-iżbalji li saru waqt il-Gwerra tal-Iraq’.
Starmer enfasizza li l-Britanniċi ma kenux involuti fl-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa fuq l-Iran waqt li tenna li r-Renju Unit mhux se jissieħeb fil-konflitt preżenti fir-reġjun tal-Golf.
Mifhum li l-Amerikani, ‘il quddiem, għandhom jużaw il-bażi tal-RAF fi Gloucestershire u l-bażi fi Diego Garcia, il-gżira fl-Oċean Indjan, għall-attakki ‘aktar preċiżi’ fuq il-missile sites tal-Iranjani.
Qed jidher ukoll li Starmer ikkonferma l-permess lill-Amerikani wara li l-President Trump sostna li ‘ir-Renju Unit dam jaħsibha wisq’ u ladarba l-bażi tal-RAF f’Ċipru, matul il-lejl tal-Ħadd, intlaqtet mid-drones f’attakk li ma ħalla l-ebda vittmi.
//= $special ?>

