Lokali Parlament

Is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin maqbuda fir-reġjun tal-Lvant Nofsani trid tibqa’ l-ogħla prijorità

Is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin maqbuda fir-reġjun tal-Lvant Nofsani trid tibqa’ l-ogħla prijorità

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg sostna fil-parlament illejla li s-sigurtà taċ-ċittadini Maltin maqbuda fir-reġjun tal-Lvant Nofsani trid tibqa’ l-ogħla prijorità.

Din il-pożizzjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg esprimiha llejla wara stqarrija parlamentari tal-Prim Ministru dwar is-sitwazzjoni internazzjonali preżenti.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din hi sfida ġeo-politika kbira anki fil-Mediterran hekk kif Ċipru, stat membru tal-UE, li hu milqut. Hu tkellem dwar is-sitwazzjoni Palestinjana, ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan, l-attakki butali tal-Ħamas, is-sitwazzjoni tbaqbaq fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni ta’ bħalissa.

Robert Abela qal li Ċipru kien attakkat minħabba l-Bażi Militari Ingliża hemmhekk u qal li hemm 130 ċittadin Malti fir-reġjun li talbu l-għajnuna biex jitilqu mill-postijiet effettwati. Il-konsulati Maltin jinsabu f’kuntatt ma’ dawn il-persuni.

Il-Prim Ministru kompla li seħħet splużjoni fil-prezzijiet taż-żejt li issa laħaq it-$82 l-barmil waqt li l-gass naturali tela’ b’25%. Hu qal li kien qed iwiegħed tmexxija serja u ffukata u sostna li s-sussidju mhumiex se jitnaqqas.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li fil-jiem li għaddew u fl-aħħar sigħat kompla jsegwi mill-qrib is-sitwazzjoni li qiegħda tiżviluppa wara l-attakki militari fuq l-Iran mas-sebħ tas-Sibt li għadda. Fis-sigħat li għaddew kien hemm eskalazzjoni drammatika b’attakki fuq diversi pajjiżi, b’imwiet f’diversi pajjizi u inċertezza kbira madwar ir-reġjun.

Qed ngħixu f’mument ta’ gravità kbira. Sitwazzjoni ta’ tħassib serju li titlob minna lkoll serjetà u responsabbiltà kollettiva. Hu issa evidenti lil dan il-kunflitt ma baqax limitat għall-fruntieri tal-pajjiżi involuti direttament. Il-komunità internazzjonali qed issegwi b’allarm u qed tappella għal trażżin u djalogu serju. F’mumenti bħal dawn nemmen li Malta trid tibqa’ soda fil-prinċipji tagħha ta’ forza ta’ paċi, pajjiż li jimbotta r-rispett lejn id-dritt internazzjonali u li jimbotta d-diplomazija, sostna l-Kap tal-PN.

Alex Borg sostna li l-Oppożizzjoni qed toffri l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Gvern ta’ Malta fl-isforzi tiegħu biex jindirizza din is-sitwazzjoni. B’mod partikolari, nappoġġjaw il-ħidma tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Ian Borg, li saħaq fuq il-bżonn ta’ trażżin, il-bżonn ta’ soluzzjonijiet diplomatiċi u ta’ impenn kontinwu favur il-paċi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-pożizzjoni ta’ pajjiżna għandha tkun konsistenti ma’ dak li lkoll nemmnu fih. Li nimbuttaw id-djalogu flok il-gwerra. Li nimbuttaw il-paċi u mhux il-vjolenza. Li nimbuttaw id-demokrazija u r-rispett tad-dinjità umana.

Hu tkellem ukoll fuq il-ħafna Maltin li jinsabu maqbuda fir-reġjun u huma milquta direttament minn din l-eskalazzjoni waqt li appella biex ikunu msaħħa u estiżi l-inizjattivi meħtieġa biex il-Maltin maqbuda fir-reġjun jingħataw l-assistenza kollha biex dawk li jridu jiġu lura pajjiżna jew imorru f’post sikur, jagħmlu dan.

Hu rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Gvern li qed jagħmlu ħilithom kollha biex iġibu lura lil dawk li jixtiequ jagħmlu dan.

Is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna trid tibqa’ l-ogħla prijorità. Il-familji tagħhom hawn Malta jistħoqqilhom informazzjoni ċara, trasparenza u serħan il-moħħ li l-Istat qed jagħmel dak kollu possibbli biex jipproteġihom, sostna Alex Borg, li kompla li, dan huwa mument li jitlob għaqda nazzjonali. Mhux il-ħin għall-partiġjaniżmu, imma għall-kollaborazzjoni nazzjonali. Meta jkun hemm kriżi internazzjonali li tista’ taffettwa direttament lil pajjiżna u liċ-ċittadini tagħna, għandna nitkellmu b’vuċi waħda f’mument hekk delikat.

B’dan l-ispirtu ta’ responsabbiltà u għaqda, l-Oppożizzjoni tinsab lesta taħdem mal-Gvern fl-interess nazzjonali biex l-interessi ta’ pajjiżna jiġu salvagwardjati, biex kull cittadin Malti li jitlob l-għajnuna jingħata kull attenzjoni, biex bħala pajjiż ngħaddu minn dan il-mument ta’ sfida b’kuraġġ u determinazzjoni, sostna l-Ka tal-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami rringrazzja lill-korp Diploamtiku għallħidma li qed iettqu f’dan il-mument ta’ tensjoni internazzjonali u qal li din hi gwerra li għandha u jista’ jkollha implikazzonijiet kbar anki fuq Malta foshotm bil-prezz taż-żejt.

Hu staqsa jekk sarx analiżi jekk ikun hemm impatti fuq il-pajjiż, kemm hemm Maltin fir-reġjun, jekk hijiex tingħata assistenza lil dawk li kienu se jsiefru, jekk il-gvern ħax inizjattivi għall-paċi fir-reġjun u jekk il-gvern laqqax l-ogħla awtoritajiet dwar it-tehhida internazzjonali.