Raġel ta’ 33 sena ammetta għall-akkużi relatati ma’ theddid u fastidju fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu, wara rapport li sar mill-vittma fl-għassa tal-Pulizija.
Il-prosekuzzjoni qalet li fit-28 ta’ Frar li għadda l-vittma marret tagħmel rapport fl-għassa tal-Pulizija kontra l-eks sieħeb tagħha. Hija stqarret li kienu f’relazzjoni għal sitt xhur u li l-problemi kienu ilhom għaddejjin għal madwar tliet xhur. Intqal ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li sar rapport.
Il-vittma allegat li l-imputat kien imur quddiem id-dar tagħha, jċempelilha u jheddidha b’kliem aggressiv. Sar risk assessment li rriżulta f’livell 14, klassifikat bħala sever.
Meta l-pulizija arrestaw lill-imputat, huwa kien deskritt bħala aggressiv, juża kliem oxxen u allegatament qal “inqattaha”, b’referenza għall-vittma. Il-pulizija nnutaw ukoll riħa ta’ alkoħol minn ħalqu. Huwa ttieħed fi klinika u, aktar tard, intqal li skuża ruħu mal-pulizija għall-imġiba tiegħu.
Quddiem il-Qorti, l-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Maġistrat Tanya Sammut ikkundannatu għal sitt xhur priġunerija sospiżi għal perjodu ta’ sena. Ġiet imposta wkoll multa ta’ €3,500, flimkien ma’ ordni ta’ trattament u ordni ta’ trażżin biex jipproteġu lill-vittma.
//= $special ?>

