Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Hibernians lura għar-rebħ b’rebħa kbira

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Valletta Dream………46

Hibernians…………….117

(12-25)(10-25)(12-36)(13-19)

Hibernians irritornaw għar-rebħ b’wirja dominanti fuq Valletta Dream u skor kbir ta’ 117-46. Valletta kellhom formazzjoni ridotta għal ħames players biss u dan il-fattur huwa diżappuntanti fl-għola livell tal-basketball. Għal Hibs Andie Saliba kienet nieqsa u introduċew lil Elly Jovanovic. Għal Valletta kien hemm Alexia Parnis fit-tieni dehra tagħha u spiċċat bi 22 punt. Il-punteġġ tal-Hibs kien maqsum bejn il-players kollha. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn wara trippla fuq kull naħa, kien hemm parita ta’ 9-9. Minn hemm ‘l quddiem Valletta għamlu run ta’ 14-il punt mingħajr risposta fosthom punti minn Iona Agius, Maria Bonett u Kirstie Sammut. Valletta waqqfulhom ir-run bi trippla ta’ Parnis għal skor ta’ 12-25. Il-bidu tat-tieni sessjoni kien dominat minn Hibs b’run ta’ 17-2 fosthom trippla ta’ Sasha Lecuyer u baskets minn Bonett u Marie Buhagiar. Valletta kellhom risposta permezz ta’ Parnis, Marie Elise Pollacco u Maria Trapani qabel ma Hibs għamlu l-aħħar żewġ baskets għal skor ta’ 50-22.

It-tielet taqsima kompliet bl-istess andament b’dominju assolut ta’ Hibernians fejn għamlu run ta’ 18-2 fejn bdew bi trippla ta’ Lecuyer u punti minn Josephine Diaby, Bonett u Buhagiar. Valletta kellhom mument tajjeb bi 8 punti konsekuttivi bi trippla ta’ Parnis għal skor ta’ 32-68. Hawn Hibs għamlu break ieħor ta’ 18-2 fejn kellhom tlett trippli minn Steffi De Martino u oħra ta’ Lecuyer u t-taqsima għalqet fuq skor ta’ 34-86. L-aħħar taqsima kienet biss formalita fejn Hibs għaqqdu l-mitt punt permezz ta’ Buhagiar. Għal Valletta Pollacco u Parnis komplew jitħabtu biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabli għalkemm Hibs għamlu run oħra ta’ 16-2 u rebħu l-partita 117-46.

Valletta Dream: M. Pollacco 14, A. Parnis 22, M. Trapani 4, M. Momcilovic, M. Mifsud 6.

Hibs: M. Buhagiar 12, L. Micallef, E. Jovanovic 2, I. Agius 5,  S. Lecuyer 13, M. Bonett 19, S. De Martino 15, M. Marmara 3, N. Farrugia 4, H. Macleod 13, J. Diaby 19, K. Sammut 12.

Referees: Leonardo Silvero, Andre Attard.

Athleta……………………….65

Betsson Depiro………….81

(20-24)(8-17)(23-21)(14-19)

Athleta kellhom wirja qalbiena kontra c-champions renjanti Betsson Depiro u minkejja d-distakk finali ta’ 16-il punt, dan ma jirriflettix il-wirja posittiva tal-Athleta. Karl Borg jidher li daħħal mentalita differenti fil-players tiegħu fost l-oħrajn fid-difiża tant li naqqsu l-punti li sofrew minn turnovers. Depiro approfittaw mill-fast breaks li kellhom tant li għamlu 25 punt u kellhom ukoll 21 punt mill-players li daħlu minn fuq il-bank. Athleta kellhom medja ta’ 0.81 punti f’kull pussess u Depiro kellhom 1.02. Athleta kienu mingħajr Julia Schembri u ntroduċew lil Noelle Cassar u Lisa Farrugia. Depiro fetħu bl-ewwel 3 punti, kollha minn free-throws però Athleta wieġbu bi break ta’ 9-0 bil-punti ta’ Nicole Vella, Kaya Calleja u l-Amerikana Macy Tyler Smith. Depiro kellhom risposta minn Claire Privitera u trippla ta’ Julia Borg għalkemm sas-seba’ minuta Athleta kienu għadhom 3 minn fuq 15-12. Borg kompliet b’żewġ trippli oħra u minkejja li Athleta kellhom risposta minn free-throws, Depiro temmew it-taqsima 24-20 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Depiro bdew bi trippla ta’ Nicole Agius u basket ta’ Lovely Sonnier. Ir-risposta ta’ Athleta kompliet primarjament mill-free-throw line u naqqsu d-distakk għal 3 punti 26-29. Depiro temmew il-perjodu bi break ta’ 10-0 bi trippla oħra ta’ Borg flimkien ma’ Sonnier u Claire Portelli u daħlu jistrieħu 41-28 minn fuq.

Fil-ftuġ tat-tielet sessjoni Depiro kabbru l-vantaġġ għal 21 punt 49-28 wara run oħra ta’ 8-0 bejn Sonnier u Julia Borg Xerri. Athleta ġew lura b’run tajba ta’ 15-2 b’żewġ trippli ta’ Smith flimkien ma’ Calleja u Vella għal skor ta’ 43-51 fis-sitt minuta. Depiro kellhom il-punti ta’ Sonnier u Samira Deguara però Smith kompliet bil-punti u t-taqsima ntemmet bid-Depiro fuq quddiem 62-51. Fl-aħħar perjodu, Athleta reġgħu fetħu l-partita bi trippli ta’ Smith u Calleja u fir-raba’ minuta naqqsu d-distakk għal 4 punti 63-67. Depio wieġbu b’erba’ punti qabel ma Calleja għamlet l-aħħar basket tal-Athleta. Depiro għalqu l-partita bi break ta’ 10-0 biex rebħu l-partita 81-65, riżultat kemmxejn kiefer mat-team tal-Ahtleta.

Athleta: E. Farrugia, B. Agius, N. Vella 10, K. Calleja 12, K. Caruana 8, M. Tyler Smith 29, N. Cassar, S. Vella 4, L. Camilleri 2, L. Farrugia, A. Pisani.

Betsson Depiro: Y. Mangion, N, Agius 5, J. Borg Xerri 12, J. Mallia, C. Privitera 14, J. Borg 20, C. Portelli 5, N. Borg 3, L. Sonnier 20, S. Deguara 2, H. Farag

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Wendel Lim

Starlites Revive………54

Caffè Moak Luxol….56

(19-14)(11-16)(9-15)(15-11)

Caffe Moak Luxol kisbu rebħa ta’ 56-54 fuq Starlites Revive f’partita bilanċjata sal-aħħar pussess. Il-konfront kellu 10 bidliet fil-vantaġġ u baqa’ miftuħ tul il-40 minuta, b’Luxol iżommu l-vantaġġ għal aktar ħin. Minkejja li ż-żewġ timijiet kienu kważi identiċi fil-punti fiż-żona (30 kull naħa), Luxol kienu aktar effiċjenti fil-ġestjoni tal-pussessi u sfruttaw aħjar it-turnovers. Starlites wieġbu b’17-il punt mill-fast break, iżda l-percentwali baxxi minn barra u differenza żgħira fir-rebounds ma kinux ta għajnuna biex idawwru r-riżultat fl-aħħar minuti. Ftit li xejn kien hemm tibdil fil-formazzjoni taż-żewġ timijiet b’Luxol ikollhom lil Hayley Galea flok Adria Xuereb. Fil-bidu tal-partita kien hemm punti fuq iż-żewġ naħat bil-Luxol jieħdu vantaġġ f’nofs is-sessjoni wara punti minn Sarah Fenech Pace u trippla ta’ Olivia Wikstrom. Starlites wieġbu permezz ta’ basket minn Georgia Haverlock u trippla ta’ Rebecca Naudi b’S. Fenech Pace terġa twieġeb għal Luxol. L-aħħar punti tat-taqsima ġew kollha minn Starlites permezz ta’ Philippa Riolo u Haverlock għal skor ta’ 19-14. Fit-tieni perjodu, Starlites kabbru l-vantaġġ għal 8 punti wara trippla oħra ta’ Haverlock. Hawn Luxol kellhom run ta’ 12-0 bil-punti tal-aħwa Sarah u Lisa Fenech Pace flimkien ma’ Gwen Carabott u marru 4 minn fuq 28-24. Starlites kellhom risposta minn P. Riolo u Naudi u t-taqsima għalqet f’parita ta’ 30-30.

Il-punti kienu skarsi wara l-intervall tant li wara tlett minuti sar biss basket wieħed minn L. Fenech Pace b’Axisa tkompli bi free-throw ftit wara. Haverlock wieġbet bi trippla għal Starlites però Vanya Baldacchino kellha azzjoni ta’ 3 punti għal skor ta’ 33-36 fil-ħames minuta. P. Riolo u Michela Zammit Cordina irrispondew għal Starlites però Wikstrom kisbet punti konsekuttivi biex Luxol fetħu vantaġġ ta’ 4 punti 41-37. Starlites irrispondew biss mill-free-throw line bil-Luxol jagħlqu bil-baskets ta’ Wikstrom u Jada Said għal skor ta’ 39-45. Fl-aħħar taqsima, Starlites għamlu run ta’ 9-0 b’diversi punti minn Haverlock u fis-seba’ minuta marru 48-47 minn fuq. Luxol wieġbu permezz ta’ Wikstrom u S. Fenech Pace u fid-disa’ minuta marru 3 minn fuq 53-50. Haverlock ressqet lil Starlites viċin bi free-throws u basket però Luxol żammew sod u ħarġu rebbieħa 56-54.

Starlites Revive: Y. Ferrando, M. Riolo 4, P. Riolo 13, M. Zammit Cordina 5, M. Fenech, R. Naudi 7, G. Haverlock 21, B. Sciberras, L. M. Zammit, K. Gatt, J. Abela 2, J. Dabic 2.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott 2, K. Magro, E. Axisa 1, H. Galea, R. Fenech Pace 2, J. Said, E. Abela, S. Fenech Pace 13, O. Wikstrom 20, V. Baldacchino 3, S. Sciberras 1.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Wendell Lim