l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta tirrikonoxxi l-ambizzjoni wara t-tnedija reċenti ta’ Malta Vision 2050. Il-bidla lejn strateġija fit-tul, li tkun ibbażata fuq miri li jistgħu jitkejlu u li tmur lil hinn miċ-ċiklu elettorali tradizzjonali ta’ ħames snin, hija pass pożittiv. Madankollu, l-ambizzjoni trid tkun akkumpanjata minn KPIs u riżultati konkreti daqstant ambizzjużi, implimentazzjoni effettiva u reviżjoni kontinwa biex l-istrateġija tibqa’ rilevanti fost bidliet teknoloġiċi, soċjali u ekonomiċi.
Filwaqt li ninnotaw b’sodisfazzjon li numru ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kamra ġew inkorporati, ninsistu li governanza tajba tibqa’ l-pedament li fuqu trid tkun mibnija Malta Vision 2050. Il-Governanza Tajba trid tgħaddi minn prinċipju teoretiku għal prattika konsistenti fuq livell nazzjonali. Mingħajr implimentazzjoni dixxiplinata, il-viżjoni tirriskja li tibqa’ purament aspirazzjonali u sservi biss bħala inizjattiva ta’ PR.
Fl-aħħar ġimgħat, il-Kamra qajmet numru ta’ mistoqsijiet u punti ta’ kjarifika dwar diversi KPIs li ġew diskussi mas-sħab soċjali. Peress li dawn il-KPIs issa jinsabu fid-dominju pubbliku, il-Kamra se tkun qed tanalizzahom fid-dettall u tipprovdi r-reazzjoni tagħha kif xieraq.
Malta Vision 2050 fl-aħħar mill-aħħar se tiġi evalwata fuq ir-riżultati konkreti tagħha: il-livell ta’ produttività mtejba, kompetittività msaħħa, attrattività akbar, tkabbir ibbażat fuq il-valur u sostenibbli, u benesseri ġenerali aħjar. Il-kisba ta’ dawn il-miri teħtieġ impenn kollettiv mill-Gvern, mill-Oppożizzjoni u mill-partijiet interessati kollha, appoġġjat minn spirtu ta’ maturità politika.
Il-Kamra tibqa’ impenjata li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ Malta Vision 2050 u li taħdem b’mod kollaborattiv sabiex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tagħha.
//= $special ?>

