Ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni li bħalissa qed isir f’Marsaskala huwa wieħed meħtieġ u hemm qbil ġenerali li dan il-proġett kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu. Madanakollu, minkejja li x-xogħol ilu għaddej aktar minn erba’ xhur u qed isiru xogħlijiet fuq diversi bnadi differenti, sa issa għadhom ma ġewx ippubblikati pjanti ċari li jagħtu stampa dettaljata tal-pjanijiet tal-Gvern.
Ir-residenti, persuni li jiffrekwentaw iż-żona, kif ukoll is-sidien tan-negozji, għandhom dritt ikunu jafu eżatt x’inhuma l-pjanijiet, peress li dan il-proġett se jaffettwa direttament il-kwalità tal-ħajja u l-għajxien tagħhom.
Wieħed ma jifhimx lanqas kif il-parti tal-promenade fin-naħa taż-Żonqor, li tinsab fi stat ħażin ħafna u li ġiet affettwata l-aktar mill-maltempata ta’ Jannar li għadda, oriġinarjament ma kinitx inkluża f’din il-fażi ta’ riġenerazzjoni.
Qed isir ukoll l-appell biex jitranġaw il-partijiet fi Triq iż-Żonqor li saru b’mod mhux adegwat, u li qed iwasslu biex il-baħar jilħaq it-triq aktar minn qabel. Din is-sitwazzjoni qed toħloq inkonvenjent kemm għal min ikun miexi f’dawn l-inħawi kif ukoll għas-sewwieqa, filwaqt li diġà ġew irrappurtati ħsarat fi djar u garaxxijiet minħabba l-maltemp. Minħabba f’dan, il-bankina qed ikollha titranġa ta’ spiss, bi spejjeż li setgħu ġew evitati kieku x-xogħol sar sew mill-bidu.
Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaskala għamlu tentattiv biex permezz tal-Kunsill Lokali tintalab aktar informazzjoni mingħand il-Gvern, iżda l-maġġoranza Laburista ma approvatx din il-proposta għaliex il-kunsillieri Laburisti qalu li għandhom biżżejjed informazzjoni u fiduċja f’dak li qed isir.
Permezz tad-Deputati tiegħu fil-Parlament, il-PN ressaq ukoll diversi Mistoqsijiet Parlamentari, iżda r-risposti mogħtija mill-Ministru Chris Bonett ftit li xejn ipprovdew ċarezza fuq il-pjanijiet. Minflok pjanti dettaljati tax-xogħlijiet li għaddejjin fi Triq is-Salini u Triq ix-Xatt, ġew ippreżentati biss ritratti meħuda minn Google.
Mistoqsijiet relatati mal-pjazez u l-problema dejjem tikber tal-livell tal-ilma baħar ukoll baqgħu mingħajr tweġibiet ċari. Bl-istess mod, dwar il-problema taċ-ċirkolazzjoni tal-ilma fiż-żona magħrufa bħala “Tal-Magħluq” – sit Natura 2000 – ġie indikat li minkejja li se jitneħħa l-pont eżistenti, il-problema tal-Magħluq innifsu ma kienx hemm il-pjan li tiġi indirizzata. Wara pressjoni biex din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata issa li qed isiru xogħlijiet estensivi, it-tweġiba li ngħatat kienet li se jaraw x’jista’ jsir, mingħajr ma ngħataw aktar dettalji.
Dwar l-arkati fejn se jsir il-proġett tal-Fast Ferry, wieħed jittama li wara li dawn twaqqgħu – skont kif intqal, minħabba raġunijiet ta’ periklu – jerġgħu jinbnew kif kienu.
Il-Partit Nazzjonalista jappella wkoll biex il-Gvern iżomm mal-wegħda tiegħu li din il-fażi tal-proġett titlesta sas-sajf.
Filwaqt li dan il-proġett kien meħtieġ, ir-residenti, persuni li jiffrekwentaw iż-żona, kif ukoll is-sidien tan-negozji għandhom id-dritt li jkunu infurmati kif se jintlaqtu u kif se tiġi affettwata Marsaskala. In-nuqqas ta’ trasparenza u l-ħabi li qed jikkaratterizzaw ix-xogħlijiet mhumiex aċċettabbli – il-Gvern għandu jispjega minnufih il-pjanijiet dettaljati tiegħu għall-benefiċċju tal-pubbliku.
Meta wieħed iqis in-nefqa sostanzjali ta’ €18-il miljun fil-qalba ta’ Marsaskala, l-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu l-Gvern u l-Ministru Bonett hija li jkunu trasparenti u jippubblikaw il-pjanti ta’ proġett li suppost li għandu l-għan li jtejjeb il-ħajja tal-komunità.
Dan kollu ħareġ minn stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Bernice Bonello u Bernard Grech mill-Minority Leader f’Marsaskala John Baptist Camilleri kif ukoll mill-Kunsilliera f’isem il-PN f’Marsaskala Errol Cutajar, Jesmond Abela u Celine Camilleri.
//= $special ?>

