It-tiri fatali li wasslu għal mewt ta’ żewġt irġiel fir-Rabat ġew sparati minn distanza ta’ madwar żewġ metri dan hekk kif matul il-jum tat-Tnejn kompliet tinstema l-kawża b’rabta mal-qtil doppju fir-Rabat li seħħ ftit tax-xhur ilu.
L-akkużat, Carmelo Ciantar, magħruf bħala “Id-Durga”, qed jiffaċċja akkużi b’rabta mal-qtil doppju ta’ Anthony Agius u Dennis Mifsud dan apparti li qed jaffaċċja akkużi ta’ ħruq volontarju kif ukoll pussess irregolari ta’ arma tan-nar.
Matul il-jum xehdu numru ta’ esperti tal-ballistika li qalu li meta waslu fuq il-post, l-esperti sabu żewġ vittmi. Wieħed mill-katavri kien jinsab barra, filwaqt li t-tieni vittma nstabet bilqiegħda wara r-rota ta’ vettura.
Mill-ewwel osservazzjonijiet tagħhom, deher li t-tnejn li huma kienu sfaw milquta minn tiri ta’ arma tan-nar.Mill-vettura tal-akkużat ġiet irkuprata arma tan-nar, li ġiet issiġillata u elevata bħala prova. L-arma ġiet miżmuma f’post sigur għal aktar eżamijiet forensiċi.
L-esperti fil-ballistika attendew ukoll għall-awtopsji li saru fuq iż-żewġ vittmi. Anthony Agius kien ġarrab tliet feriti minn tiri ta’ arma tan-nar, filwaqt li Dennis Mifsud kien sofra ferita waħda, li laqtitu f’rasu.
Il-kawża mistennija tkompli tinstema’ fis-26 ta’ Marzu fid-9.00 ta’ filgħodu bil-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.
//= $special ?>

