Lokali Parlament

35 sena ta’ servizz fil-politika u fil-komunità tal-Mellieħa

Il-Whip tal-Oppożizzjoni d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar tkellem fl-Aġornamnet tal-Parlament u ta ħarsa lejn l-aħħar 35 sena ta’ servizz li hu wettaq fil-politika b’enfasi fuq il-ħidma tiegħu fil-lokal tiegħu, il-Mellieħa. Dan id-diskors ta’ Robert Cutajar sar wara li ġurnata qabel hu ħabbar li ma kienx se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Robert Cutajar qal li ma kinitx deċiżjoni faċli wara 35 sena ta’ servizz fid-distrett u anki bħala Sindku tal-Mellieħa iżda ried li jibda fażi ġdida f’ħajtu. Hu qal li m’għandu l-ebda indiema għall-ħidma li wettaq u wettaq skont kif fehem li kien fl-aħjar interess f’kull responsabbiltà li kien fdat fiha. Mhux bilfors li dejjem kien hemm min qabel miegħu fid-deċiżjonijiet, qal Robert Cutajar, li kompla li llum rid jiskuża ruħu jekk kien meħtieġ.

Id-deputat Nazzjonalista qal li mhux biss m’għandux rimors iżda jħoss sodisfazzjon għaliex ipprova jkun viċin in-nies b’umiltà. Hu spjega li kien beda ta’ 15-il sena fil-politika wara li Joe Borg kien ħeġġu biex isegwi l-politika u jidħol fil-Kumitat tal-Mellieħa. Minn età ta’ 16-il sena ntrabat mal-Perit Carm Lino Spiteri ‘Iċ-Ċumpaqq’, deputat Nazzjonalista mill-Mellieħa.

Robert Cutajar qal li hu xtaq jgħin lil Carm Lino Spiteri għaliex kien jispirah bħala ġentlom maħbub fejn ank kien jgħin lil kulħadd.

Hu qal li jħossu kburi u privileġġjat li ħadem mal-Ex Prim Ministru Lawrence Gonzi għal 15-il sena. Hu ddeskriva lil Lawrence Gonzi bħala persuna li ta ħafna lil pajjiżna u fakkar fil-mumenti diffiċli tal-kriżi internazzjonali kbira fil-Libja u fit-Tuneżija, u meta Malta kienet f’ħalq il-gwerra meta kien qed jaqa’ r-Reġim ta’ Gaddafi fi-Libja. Hu fakkar ukoll fl-inċident tal-fighter jets Libjani li ġew f’Malta meta r-Reġim ta’ Gaddaffi kien qed jaqa’ u kif Lawrence Gonzi, bħala Prim Ministru, kien ħa l-aħjar deċiżjoni.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni qal li Malta baqggħet għaddejja taħt Lawrence Gonzi minkejja l-kriżi internazzjonali u sostna li Malta tilfet kmieni wisq lil Lawrence għaliex kien fadallu x’jikkontribwixxi fil-politika. Robert Cutajar sostna li minbarra l-ħidma bħala deputat, hu kompla jagħti kontribut fil-PN.

Robert Cutajar serva wkoll bħala Sindku tal-Mellieħa fejn taħt it-tmexxija tiegħu nbidel il-mod kif kien jopera l-kunsill lokali fejn twettqu diversi proġetti fosthom id-dar tal-anzjani fil-Mellieħa, id-day centre, in-night centre u l-berġa, il-park tal-fmailja, saret il-Pjazza Papa Ġwanni Pawlu II, id-daħla tas-Santwarju tal-Mellieħa, inkisbu €3 miljuni f’fondi mill-UE, saru l-Iljieli Melliħin, attivitajiet fil-Milied, sar il-proġett ta’ Selmun, saru erba’ ġonna miftuħa tul dawk il-ħames snin, sar il-ground artfiċijali tal-ħaxix u sar it-tkabbir tal-binja tal-Kunsill Lokali ta-Mellieħa.

Dan filwaqt li f’dan il-perjodu l-Mellieħa kienet dikjarta bħala l-aktar lokal nadif f’Malta, l-aktar lokal li ġġenera kumemrċ bejn l-2008 u l-2013, kienet dikjarata destinazzjoni ta’ eċċellenza mill-UE u kisbet l-ewwel bajja blue flag bil-Bajja tal-Mellieħa.

Hu qal li jinsab kuntent li se jħalli t-tliet lokalitajiet fit-12-il distrett b’kunsilli mmexxija mill-PN u sellem lis-sindki kollha li taw kontribut f’dawn il-lokaliatjiet waqt li awgura lil Gabriel Micallef, is-sindku attwali tal-Mellieħa. Robert Cutajar sellem ukoll lil dawk kollha li kienu viċin tiegħu fil-karriera politika tiegħu.