Lokali Qorti

Ħames snin ħabs wara hold up f’ħanut taż-żraben

L-inċident seħħ fis-27 ta’ Novembru 2015, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, meta Torrisi u sieħbu Alessandro Gandolfo daħlu fil-ħanut Pulo Shoe Manufacturer fir-Rabat.

Skont ix-xhieda, wieħed minnhom qal lil sid il-ħanut, li dak iż-żmien kellu 66 sena, il-frażi bl-aċċent Taljan: “I want shoes”. Ftit mumenti wara bdiet l-aggressjoni.

Joseph Pulo xehed li Torrisi messlu żaqqu b’xi ħaġa tonda, li kawża ta’ hekk kien meħtieġ li wara jsirulu l-punti, u tefgħu mal-art, fejn beda jagħtih diversi daqqiet bis-sieq f’ġenbu.

Waqt li kien mal-art, Torrisi pprova jorbtu b’ċinga sewda f’tentattiv ċar ta’ sekwestru biex jisirquh.
Il-vittma offra reżistenza kontra l-aggressuri. Huwa qal li ta “10 daqqiet lill-imputat” biex jiddefendi ruħu.
F’mument minnhom, sabiex jipprova jinħeles, “qabad il-parti intima ta’ Torrisi u beda jiġbed”, u meta waqgħulu n-nuċċali, ipprova wkoll idaħħal subgħajh f’għajnejh.

Pulo saħansitra pprova juża bott spray fuq għajnejn l-aggressur, iżda dan ma ħadimx. Minkejja r-reżistenza, l-aggressuri rnexxielhom jaħarbu b’madwar €2,500 li kienu lesti f’kaxxa taż-żraben biex jitħallas aġent taż-żraben.

L-eżamijiet mediċi wrew li Pulo sofra feriti fondi f’idejh, dislokazzjoni ta’ subgħajh ix-xellugija u ksur f’subgħajh il-leminija.

It-tabib forensiku Mario Scerri nnota “marka tipika ta’ defensive injury”, meta l-vittma qabad ix-xafra tal-istallett li kien qed jintuża minn Gandolfo biex jipproteġi ruħu.

Pulo xehed ukoll li meta wieħed mill-aggressuri waqagħlu n-nuċċali, innota li kellhom “maskla rqiqa jew make-up” fuq wiċċhom, peress li l-ġilda ma kinitx tidher naturali.

Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li l-użu ta’ beritta u nuċċali tax-xemx ma jammontax għal maskra li tgħatti l-wiċċ, u għalhekk illiberatu minn dik l-akkuża partikolari.

L-investigazzjoni wasslet lill-pulizija għal appartament fil-Qawra, wara li fil-ħanut ta’ Torrisi f’San Pawl il-Baħar sabu kont tad-dawl li kien jindika dak l-indirizz.

Ftit ġimgħat qabel is-serqa, Torrisi kien għamel rapport mal-pulizija li kien insteraqlu l-ħanut tiegħu stess.
Meta l-pulizija marru jfittxuh, ommu inizjalment qalet li ma kinitx taf fejn jinsab, minkejja li kienet għadha kif għamlet kuntatt miegħu 35 minuta qabel. Meta nstab, Torrisi pprova jqarraq bil-pulizija billi qal li jismu Alfio Pappalardo, iżda mbagħad ippreżenta l-identità vera tiegħu.

Alessandro Gandolfo, li kien weħel 80 xahar ħabs meta ammetta l-involviment tiegħu fis-serqa, xehed mill-Italja permezz ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

Huwa ammetta li l-ġurnata ta’ qabel kienu għamlu użu minn kannabis u kokaina, u kkonferma li s-serqa ma kinitx ippjanata fit-tul, iżda ddeċidew li jagħmluha dakinhar stess għax kienu bla xogħol.

Gandolfo qal li “iddeċidew li jisirqu[h] il-ħanut għax kienu bla xogħol” u li żbaljaw it-tnejn,” filwaqt li spjega li qasmu l-flus nofs bin-nofs.

Il-Qorti ddeċidiet li ma tqisx l-istqarrijiet li Torrisi kien ta fl-2015 minħabba nuqqas ta’ assistenza legali waqt l-interrogazzjoni, sabiex ma jkunx hemm leżjoni tad-dritt għal smigħ xieraq.

Torrisi nstab ħati ta’ serq aggravat, li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi fuq anzjan, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha, u reati relatati mas-sewqan mingħajr liċenzja u assigurazzjoni.

Minbarra ħames snin ħabs u multa ta’ €3380, huwa ġie ordnat iħallas €2,500 f’kumpens lill-vittma fi żmien sitt xhur.

Huwa ġie skwalifikat milli jkollu liċenzja tas-sewqan għal sena – filwaqt li l-Qorti enfasizzat il-bżonn ta’ deterrent qawwi, speċjalment meta r-reati jsiru kontra persuni vulnerabbli, il-Qorti rrimarkat li l-piena m’għandhiex tkun forma ta’ vendikazzjoni, iżda trid tħares ukoll lejn ir-riabilitazzjoni tal-ħati u l-protezzjoni tas-soċjetà in ġenerali.