Ir-rapport soċjali u l-appoġġ tal-familja wasslu biex il-Qorti tissospendi s-sentenza ta’ sentejn priġunerija għal erba’ snin. Dan wara każ illi fih impjegat ta’ Mater Dei kien akkużat b’fastidju sesswali fuq kollega.
Raġel ta’ 56 sena li kien jaħdem ġewwa l-isptar Mater Dei kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati f’Ottubru li għadda li sal-2016 kien qed juża l-kariga tiegħu bħala uffiċjal pubbliku biex jikkommetti atti li joffendu l-pudur u jagħtu fastidju sesswali lil impjegata oħra fl-istess sptar.
Fost l-akkużi li kien qed jaffaċċja, il-vittma spjegat kif l-imputat kien jibgħatilha bosta messaġġi ta’ fastidju fuq il-pager tagħha. Ġie allegat li hu sakkar il-bieb tal-uffiċċju tiegħu u talabha tikxef sidirha, kif ukoll li f’istanza oħra pprova jħokk il-parti privata tiegħu ma’ daharha filwaqt li talabha twettaq atti sesswali fuqu.
L-Ewwel Qorti kienet ikkundannatu għal sentejn priġunerija effettiva u multa ta’ €15,000, flimkien mal-ħlas tal-ispejjeż tal-esperti li jammontaw għal aktar minn €1,500.
L-appellant ressaq tliet aggravji ewlenin kontra s-sentenza oriġinali. Huwa argumenta li l-multa’ ta’ €15,000 kienet taqbeż il-parametri legali. Sostna li l-provi miġjuba ma kinux biżżejjed, u li l-verżjoni tal-vittma ma kinitx kredibbli. Qal ukoll li l-ħabs ma kienx ideali għalih, minħabba li kellu fedina penali nadifa.
Il-konsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Appell
L-Imħallef Camilleri ċaħad l-ewwel żewġ aggravji. Dwar il-multa, il-Qorti nnotat li peress li l-imputat instab ħati ta’ diversi akkużi li kollha ġarrew piena ta’ multa, is-somma totali ta’ €15,000 kienet xierqa.
Dwar il-provi, il-Qorti ddeskriviet lill-vittma bħala waħda konsistenti fix-xhieda tagħha, filwaqt li sabet lill-appellant bħala wieħed inkonsistenti. Il-Qorti tat importanza kbira lill-messaġġi fuq il-pager, fejn l-appellant kien jistaqsi lill-vittma dwar il-kulur tal-underwear tagħha jew jekk kinitx “shaved”. L-ispjegazzjoni tiegħu li dawn kienu “ċajt bejn il-management” ma ġietx emmuna mill-Qorti.
Id-deċiżjoni finali
Minkejja li l-Qorti kkonfermat il-ħtija tiegħu, ħadet nota tas-Social Inquiry Report, li wera li r-raġel igawdi minn appoġġ kbir mill-familja tiegħu u mill-mara tiegħu.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti ddeċidiet li tirriforma l-piena ta’ sentejn priġunerija, billi tissospendiha għal perjodu ta’ erba’ snin u tikkonferma l-multa ta’ €15,000 u l-ħlas tal-ispejjeż tal-Qorti.


