Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg sostna fil-Parlament illejla li t-tfal u l-familji jistħoqqilhom sistema tal-ġustizzja li taħdem u li tħarishom.
Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar il-Qorti tal-Familja, il-Kap tal-PN Alex Borg qal li qal li l-Qorti tal-Familja mhijiex sempliċiment qorti.
Hija post fejn il-ħajja tan-nies tinbidel, saħansitra mil-lejl għan-nhar u fuq kollox, hija post fejn jidħol il-ġid tat-tfal, tal-ulied.
Għalhekk din ir-riforma hija pass pożittiv. Imma setgħet kienet aktar kuraġġuża. Meta nitkellmu fuq familji, fuq tfal, u fuq sigurtà, il-kuraġġ mhux lussu. Huwa dmir, sostna Alex Borg, li kompla li dan hu pass tajjeb iżda mhux biżżejjed.
Nirrikonoxxu li l-Gvern qed jagħmel tentattiv biex jindirizza nuqqasijiet li huma reali, iżda hemm dewmien kbir b’każijiet li jdumu, tfal li jbatu u ġenituri li jikkrollaw emozzjonalment.
Ir-riforma tindika li trid ittejjeb dawn il-proċessi, dan hu tajjeb u meħtieġ imma l-kwistjoni hi waħda; il-qalba tal-problema mhijiex biss amministrattiva iżda hija wkoll ta’ ġurisdizzjoni u protezzjoni. Alex Borg qal li l-punt kruċjali hu l-vjolenza domestika u ġurisdizzjoni fejn il-problema prinċipali tqum meta jkun hemm allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika.
Illum, dawn jinstemgħu u jiġu deċiżi mill-Qorti Kriminali u fl-istess waqt, il-Qorti tal-Familja tkun qed tiddetermina aċċess, kustodja u arranġamenti ta’ kuljum. Ir-riforma tgħid li jekk l-allegazzjonijiet jirriżultaw mhux veri, il-Qorti tal-Familja tista’ tagħti miżuri bħal tvarja d-digriet ta’ aċċess.
Alex Borg staqsa; kif tista’ l-Qorti tal-Familja tagħmel dan mingħajr ma tidħol f’qasam li huwa tal-Qorti Kriminali? Kif nikkjarifikaw il-limiti? Kif nevitaw kunflitt bejn żewġ qrati? Kif nevitaw sitwazzjoni fejn il-proċess isir aktar kumpless u mhux aktar sigur? Għalhekk ir-riforma trid tkun aktar kuraġġuża.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li jekk tassew irridu sistema li tipproteġi t-tfal u toħloq kjarezza, mela rridu nikkunsidraw li l-Qorti tal-Familja jkollha ġurisdizzjoni aktar sħiħa, anke f’każijiet li jinkludu akkużi ta’ natura kriminali, mill-inqas sa fejn dawn jolqtu direttament id-deċiżjonijiet fuq il-familja u t-tfal.
Dan mhux biex innaqqsu s-serjetá tar-reat imma biex inġibu s-serjetà fejn għandha tkun; f’sistema waħda, koerenti, li tagħti deċiżjonijiet malajr u b’responsabbiltà.
Għax meta għandek żewġ binarji, wieħed kriminali u ieħor tal-familja, spiss tispiċċa b’ħaġa waħda; li hi konfużjoni, dewmien ta’ ġustizzja għall-vittmi, u tfal f’nofs battalja li ma għażlux huma.
Il-Kap tal-PN tkellem dwar id-dewmien li jweġġa’ lit-tfal u qal li din il-problema mhijiex numru fuq karta għaliex hi hija tifel li ma jorqodx, tifla li tibża’ titkellem u tifel li jinqata’ minn ġenitur għal xhur sħaħ.
Ir–riforma tipprova tindirizza d-dewmien imma rridu nkunu onesti li jekk il-medjazzjoni tista’ ddum sa sena biex tingħalaq, dik xorta hija sena li hi twila wisq. Sena hija ħajja sħiħa għal tifel żgħir. Sena ta’ tensjoni, ta’ inċertezza u ta’ dannu emozzjonali. Allura l-prinċipju għandu jkun wieħed ċar; proċessi iqsar, aktar monitoraġġ u aktar kontabiltá.
Il-messaġġ irid ikun li meta tidħol il-Qorti tal-Familja, iż-żmien tat-tfal ma jistax jibqa’ jinħela fil-burokrazija.
Meta tkellem dwar il-manteniment, il-Kap tal-PN tratta ċ-ċarezza fil-liġi u mhux biss fir-regolamenti.
Hu qal li fid-dokument ta’ konsultazzjoni kien diskuss kif jista’ jkollna linji gwida ċari fuq l-ammont ta’ manteniment. Dan hu l-aktar punt li jolqot il-ħajja ta’ kuljum; l-ispejjeż tat-tfal, il-kera, l-ikel, l-edukazzjoni, il-mediċini.
Imma fir-riforma qed jingħad li dan se jsir permezz ta’ regolamenti li jagħmel il-Ministru.
Ir-regolamenti huma għodda imma fejn jidħol dritt fundamentali u impatt dirett fuq il-familji, il-linji gwida għandhom ikunu fil-liġi.
Għax liġi tagħti aktar trasparenza, aktar stabbiltà, aktar prevedibbiltà u fuq kollox aktar fiduċja fis-sistema.
Ir-riforma tgħid li d-digriet tal-manteniment għandu jkun motivat. Dan hu tajjeb imma motivazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed jekk ma jkunx hemm qafas ċar u uniformi.
Il-familji ma jridux sorpriżi imma jridu qafas ċar u riforma ġusta.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-PN qed inkun kostruttiv fil-kritika tiegħu u qed jagħti l-kontribut tiegħu għax irid riforma li tassew tagħmel differenza. Imma ejja ma nħallux din tkun riforma “tajba fuq il-karta” u “dgħajfa fil-prattika”, sostna Aex Borg, li kompla li riforma vera tfisser aktar kuraġġ fuq il-ġurisdizzjoni meta tidħol il-vjolenza domestika. Riforma b’inqas dewmien, b’limiti reali, għax it-tfal ma jistennewx u b’aktar ċarezza fil-liġi dwar il-manteniment, mhux biss permezz ta’ regolamenti.
Mhux qed nitkellmu fuq proċeduri. Qed nitkellmu fuq familji. Qed nitkellmu fuq tfal, fuq il-futur tagħhom. It-tfal jistħoqqilhom sistema li taħdem. Sistema li tipproteġi. Sistema li tħaffef. Fuq kollox sistema li hi aktar ġusta, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>

