Internazzjonali

L-Istati Uniti u Iżrael jibqgħu determinati li jeqirdu r-reġim Iranjan

Fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat li, minbarra l-Ayatollah Ali Khamenei – li kien il-Mexxej Suprem tal-Iran – inqatlu wkoll l-uffiċjali Iranjani li kienu indikati bħala Mexxejja potenzjali tal-pajjiż.

Dan waqt l-ewwel attakki konġunti tal-qawwiet tal-Istati Uniti u Iżrael – tant li issa hemm sitwazzjoni fejn ħadd ma jaf min ‘eżattament’ qed jagħti d-direttivi finali minn Tehran.

Fl-aħħar sigħat, Iżrael kien qed imexxi attakki ġodda fuq il-kumpless indikat bħala ċ-ċentru tal-kmand ewlieni f’Teheran – fost rapporti li numru ta’ missili laqtu lill-Uffiċċju Presidenzjali fil-kapitali Iranjana. L-attakki fuq il-kapitali komplew matul il-ġurnata, bil-militar Iżraeljan iħabbar li kien qed jimmira għall-kmandanti ewlenin tar-reġim li kienu għadhom ħajjin.

L-Amerika wkoll tinsab determinata biex iżżid il-pressjoni fuq it-tmexxija proviżorja tal-Iran kif ukoll fuq il-Gwardja Repubblikana; il-qawwa elite Iranjana li, bħalissa, qed tispara missili lejn Iżrael u lejn il-bażijiet militari tal-Amerikani fl-istati ġirien tal-Golf.

Il-President Amerikan, Donald Trump, qal li l-Iranjani qed jitolbu djalogu miegħu – iżda insista li hu tard wisq biex issa jieqfu l-azzjonijiet. Dan fost sinjali li l-Iranjani tilfu ħafna ajruplani u bastimenti tal-gwerra waqt l-attakki konġunti tal-Istati Uniti u Iżrael.

Fl-aħħar jiem, il-missili u d-drones tal-Amerikani u l-Iżraeljani laqtu kull parti ta’ Teheran – bis-sorsi fir-reġjun jindikaw li l-ammont tal-maqtula fl-Iran min-nhar is-Sibt ‘il hawn avviċinaw sew l-1,000 vittma.

U wara li l-militanti Xiti tal-grupp Ħeżbollah issieħbu fl-ostilitajiet fuq in-naħa tal-Iran, il-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan ikkonferma li t-truppi ta’ pajjiżu, fil-jiem li ġejjin, se jibqgħu javvanzaw u jaħtfu l-kontroll ta’ aktar zoni strateġiċi fil-Libanu.

Dan bil-ħsieb li huma jeliminaw is-siti minfejn il-Ħeżbollah jistgħu jisparaw il-missili lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Fl-aħħar sigħat ukoll, numru ta’ pajjiżi kienu qed jistinkaw biex jevakwaw iċ-ċittadini tagħhom mill-pajjiżi tal-Golf fost l-eqqel ta’ din il-gwerra. Dan meta l-Gvern tar-Renju Unit ikkonferma li, fil-jiem li ġejjin, numru ta’ Britanniċi għandhom jirritornaw fil-pajjiż permezz ta’ titjira speċjali mill-Oman.

Intant, is-sistemi tad-difiża fil-Qatar, fl-aħħar sigħat, waqqgħu żewġ fighter-jets tal-Iran li daħlu fl-ispazju tal-ajru tiegħu… dan wara li l-missili tal-Iranjani laqtu diversi zoni fl-artijiet tal-Qatar; pajjiż li qed iġarrab l-impatt dirett tal-gwerra – l-istess bħall-Bahrain, il-Kuwajt, l-Oman, l-Emirati Għarab u l-Arabja Sawdija.

Kelliema f’Doha qalu li l-jets twaqqgħu skont il-proċeduri stabbiliti għad-difiża, meta deher ċar li l-ajruplani kienu ta’ theddida diretta għall-kapitali tal-Qatar. Hu mifhum li l-ajruplani twaqqgħu fl-ibħra tal-Golf. U ħadd ma jaf x’sar mill-piloti.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Qatar u l-Istati l-oħra tal-Golf indikaw li qed jirriservaw id-dritt biex jużaw kull mezz possibbli ħalli jirritaljaw kontra l-Iran.