Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza,
il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku
Sfortunatament Malta llum qed tiffaċċja żieda sostanzjali fis-separazzjonijiet u d-divorzji. Fl-2024 biss ġew irreġistrati 887 separazzjoni, b’313 minnhom każi li kellhom bżonn intervent tal-Qorti għax ma setgħux jiġu solvuti b’mod amikevoli. Fl-istess perjodu, iż-żieda fid-divorzji kompliet, b’xejra ċara ta’ familji li jkunu ilhom għal snin jissieltu f’sistema li ma kinitx effiċjenti biżżejjed biex tagħtihom risposta f’waqtha.
Irrid nghidu li din ir-riforma qiegħda tiddaħħal wara snin twal ta’ konsultazzjoni u pressjoni pubblika. Il-Gvern innifsu rrikonoxxa li s-sistema preżenti falliet familji sħaħ, b’ġenituri u nanniet li għal snin twal ġew imċaħħda mill-aċċess għat-tfal tagħhom minħabba proċessi twal u ineffiċjenti. Ir-riċerka turi li ħafna tfal jiġu affettwati b’mod dirett minn dawn il-proċessi, speċjalment meta jkun hemm kunflitti serji jew manipulazzjoni emozzjonali bejn il-ġenituri.
Importanti li din ir-riforma m’għandix tkun biss liġi, iżda risposta għal realtà soċjali li qed tinbidel b’pass mgħaġġel. Din għandha tkun riforma mhux biss ambizzjuża, iżda wkoll effettiva, prattika u kapaċi tilħaq il-ħtiġijiet attwali tal-familji Maltin.
Għaldaqstant, ħa nagħti ħarsa kritika iżda kostruttiva, b’diversi proposti, għal din ir-Riforma.
Il-binja l-ġdida tal-Qorti tal-Familja
Filwaqt li l-Gvern ħabbar qorti awtonoma, għadu mhux magħruf fejn se ssir il-binja l-ġdida tal-Qorti tal-Familja. Din l-inċertezza għandha impatt dirett fuq l-ippjanar, fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi u fuq kemm nistgħu nistennew li din ir-riforma tkun attwata fil-prattika u mhux biss fuq il-karta. Dan huwa punt importanti ħafna jekk irridu li tassew din ir-riforma tirnexxi. Għalhekk nesiġu li ssir il-pubblikazzjoni urġenti ta’ pjan dettaljat dwar il-binja l-ġdida tal-Qorti li jinkludi skeda, finanzjament u pjan ta’ tranżizzjoni.
Il-problema storika tad-dewmien — se nsolvuha jew, sempliċement se nkopruha?
Il-każijiet tal-familja jdumu snin biex jinqatgħu mill-Qrati, b’konsegwenzi devastanti fuq it-tfal u l-ġenituri. Il-Gvern ammetta li ġenituri għal snin kienu mċaħħda minn aċċess għat-tfal tagħhom minħabba proċessi twal u ineffiċjenti. Il-proposti li jiddaħħlu timeframes huma pożittivi, iżda bil-liġi waħedha ma jispiċċax id-dewmien. Hemm bżonn ta’ sistemi, nies u infrastruttura li jaħdmu flimkien. Ma rridux iktar liġijiet sbieħ fuq il-karta li iżda mbagħad idumu snin sabiex jiġu fis-seħħ fil-prattika. Għaldaqstant, nipproponu żieda immedjata fil-professjonisti tas-sistema li jinkludu mħallfin u maġistrati, child advocates, medjaturi, social workers u psikologi fil-Qorti, kif jirrakkomandaw diversi dokumenti ta’ konsultazzjoni. Ejja nassiguraw li dawn il-professjonisti kollha jkollhom warrant!
Ambjent mhux xieraq għat-tfal — problema preżenti li r-riforma ma ssolvix mill-ewwel
It-tfal li jidħlu l-Qorti tal-Familja ħafna drabi jispiċċaw f’kuriduri qrib ħafna ta’ qrati kriminali, b’ambjent li mhux biss huwa mhux adegwat, iżda jista’ jikkawża ħsara psikoloġika konkreta. Dan mhux aċċettabbli f’soċjetà moderna. In-nies iridu assigurazzjoni li sa ma ssir il-binja l-ġdida — li bħalissa għadha biss idea fuq il-karta — jinħoloq ambjent temporanju sigur, protett u adattat għat-tfal.
Parental alienation — kunċett importanti, iżda perikoluż jekk ma jkunx hemm definizzjoni ċara
Ir-riforma tgħid li l-Qorti se tirrikonoxxi l-perikli tal-parental manipulation, u li l-medjaturi jistgħu jirrappurtaw każijiet suspettati. Dan huwa tajjeb fil-prinċipju. Iżda hemm bżonn li nirrikonoxxu wkoll ir-riskji għaliex il-kunċett għadu mhux definit biżżejjed fil-liġi. Dan jista’ jintuża bħala arma f’idejn ġenitur biex jattakka lill-ieħor u jista’ jagħmel ħsara lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, li spiss jiġu akkużati żbaljatament u inġustament. Għalhekk, jekk dan il-kunċett ma jiġix regolamentat b’mod robust u tekniku, jista’ jħalli aktar ħsara milli ġid. Nipproponu għalhekk definizzjoni legali u professjonali ta’ parental alienation biex jiġi evitat abbuż tad-definizzjoni u biex jiġi assigurat li l-vittmi ta’ vjolenza ma jiġux penalizzati.
Co-parenting — pożittiv, iżda mhux prattiku f’kull każ
Ir-riforma tgħid li l-ġenituri għandu jkollhom ekwità fuq id-drittijiet u r-responsabilitajiet, sabiex b’hekk ikun hemm dritt u responsabbiltà kondiviża fl-aċċess u l-kura tat-tfal. Co-parenting ugwali mhux dejjem jaħdem, b’mod partikolari f’realtajiet ta’ differenza fil-poter, problemi ta’ saħħa mentali, jew sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika. Nipproponu għalhekk li għandu jkun hemm sistema li tagħmel screening obbligatorju li għandu jsir qabel ma tittieħed deċiżjoni jew qabel ma tibda proċedura biex jiġi vverifikat jekk hemmx riskji jew ċirkustanzi sensittivi li jistgħu jagħmlu l-proċess perikoluż jew mhux xieraq.
Il-manteniment
Ir-riforma tal-Qorti tal-Familja tipprova ttejjeb l-infurzar tal-manteniment u tagħmel l-obbligi aktar ċari fuq il-karta, iżda ma tistabbilixxix linja gwida standard jew formula biex tikkalkula l-ammont tal-manteniment. Dan jitqies bħala nuqqas serju minħabba li n-nies ma jafux x’jistgħu jistennew, il-każijiet jibqgħu jiddependu fuq diskrezzjoni individwali, u jista’ jinħolqu aktar tensjonijiet minflok trasparenza. Għalhekk, nirrakkomandaw il-ħolqien ta’ gwida nazzjonali, formularji standard, u mezz strutturat ta’ monitoraġġ biex niżguraw li kull tifel u tifla f’Malta jirċievu manteniment ġust u proporzjonat mal-ħtiġijiet tagħhom u mal-mezzi tal-ġenituri.
Monitoraġġ kontinwu tar-riforma b’rapport annwali lill-Parlament
Aħna nemmnu li jekk verament irridu li din ir-riforma tkun effettiva għall-familji tagħna, l-evalwazzjoni hija essenzjali. Għalhekk qed nipproponu li jkun hemm rapport indipendenti annwali lill-Parlament li għandu jivvaluta kemm qed jitnaqqsu d-dewmien, kif qed jiġu rispettati d-drittijiet tat-tfal, kif ukoll kemm il-miżuri qed jiġu infurzati b’mod ġust.
Ir-Riforma tal-Qorti tal-Familja għandha potenzjal enormi. Naqblu li Il-prinċipji tagħha huma tajbin: effiċjenza, trasparenza, u protezzjoni tat-tfal. Iżda, proprju għaliex hija riforma tant importanti, għandna d-dmir li niżguraw li tkun riforma effettiva, mhux biss simbolika.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

