Lokali Qorti

Raġel jiċħad li qatel il-kelb tas-sieħba f’Wied il-Għajn

Raġel ta’ 31 sena mill-Maċedonja ta’ Fuq, tressaq il-Qorti akkużat li waqt argument domestiku qatel lill-kelb tas-sieħba tiegħu wara li sabbtu darbtejn mal-art.

Deljo Nakov, li jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà wieġeb mhux ħati għal sensiela ta’ akkużi, fosthom theddid u qtil ta’ annimal domestiku.

Il-Qorti semgħet kif fl-1 ta’ Marzu, uffiċjali mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika rċevew rapport minn Wied il-Għajn dwar inċident.

L-allegata vittma qalet lill-Pulizija li hi u s-sieħeb tagħha kienu argumentaw waranofsinhar minħabba li kien qed jixrob.

Hi qalet li t-tilwima eskalat u huwa telaq mid-dar, u rritorna għall-ħabta tas-7:30pm b’riħa ta’ alkoħol fuqu.

Hija qalet li l-argument kompla meta hi kkummentat dwar ir-riħa tal-alkoħol li kienet qed toħroġ minnu.

F’ħin minnhom, il-vittma kienet mimduda fuq is-sodda u l-kelb tagħha tar-razza Chihuahua tela’ ħdejha.

Hija qalet li huwa rrabja, qabad il-kelb u tefgħu mis-sodda għal isfel u sabbtu mal-art għal darbtejn. Ftit wara, qalet lill-pulizija li ndunat li l-kelb kien miet.

Aktar tard, il-pulizija sabet il-katavru tal-annimal f’għalqa f’Marsaskala.

Irriżulta wkoll li l-kelb ma kienx oriġinarjament tal-vittma, iżda kien irreġistrat fuq persuna oħra. Il-vittma kienet sabitu jiġri barra madwar sentejn qabel.

Nakov ġie arrestat aktar tard dik il-lejla stess u ġie mixli li kkaġuna lis-sieħba tiegħu biżà li setgħet tintuża vjolenza kontriha, kif ukoll fastidju, insulti u theddid, kif ukoll ġie akkużat li kkawża moħqrija lill-annimali.

Il-Qorti ntalbet toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma u, f’każ ta’ kundanna, ntalbet tikkunsidra li tipprojbixxi lill-akkużat milli jżomm annimali.

Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest, peress li l-akkużat ma kellux indirizz alternattiv.

Il-Maġistrat Ingrid Bianco ppresediet is-seduta.

L-avukat tal-għajnuna legali Mark Mifsud Cutajar deher għall-akkużat.

L-Ispettur Colin Sheldon u l-Ispettur Chantelle Mifsud mexxew il-prosekuzzjoni