Ħadd mill-Gvern ma jrid jgħid kemm ġie jiswa l-ispettaklu estravaganti quddiem is-swar tal-Belt biex tnieda d-dokument tal-Viżjoni 2050.
Sa ftit tas-sigħat qabel, il-ġurnalisti kienu staqsew lil Ronald Mizzi, inkarigat mill-Viżjoni jekk jistax jikkonferma kemm ġie jiswa x-show – u kien qalilna li għadu prematur, u ma setgħax jikkonferma jekk il-fondi tal-€4.5 miljun allokati nqabżux.
Din id-domanda saret ukoll lill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri t-Tnejn waranofsinhar, bil-Ministru ma jweġibx – imma jwiegħed li l-ispiża se tiġi ppubblikata.
Mistoqsi mill-ġurnalisti kinitx wisq bħala spiża u kienx spettaklu esaġerat, Schembri sostna li hija ‘too much’ skont il-perspettiva.
Dan filwaqt li attakka l-midja indipendenti – u sostna li n-nefqa kien hemm bżonnha.
In-nefqa kienet tinkludi wkoll l-istudju biex tfassal id-dokument; madanakollu fl-istess dokument la hemm tbassir fuq kemm se tkun tammonta l-popolazzjoni f’pajjiżna fl-2050, u wisq inqas tbassir fuq l-ammont ta’ karozzi li se jkollu l-pajjiż ladarba jridu joħolqu trasport tal-massa li taqdi l-ħtiġijiet ta’ 24 sena oħra.
Meta ddomandat fuq dawn il-miżuri partikolarment ta’ traffiku, il-Ministru ma kienx jaf iwieġeb.
Mistoqsi dwar il-kritika li rċieva l-Gvern b’rabta ma’ dan l-avveniment, fost oħrajn mill-uffiċjal Laburista stess Jason Micallef, Silvio Schembri sfida lill-ġurnalisti jgħidulu xi kritika hi – għaliex hu ma semagħhiex..
Kritika li kienet xprunata għal show estravaganti li ċertament laħħaq in-nefqa ta’ miljuni ta’ ewro; nefqa li lanqas il-Prim Ministru ma jrid iwieġeb dwarha.
Għaldaqstant il-familji Maltin u Għawdxin għadhom mingħajr ebda tweġiba dwar kemm intefqu flus minn but il-poplu sabiex tnediet l-ewwel viżjoni fit-tul taħt amministrazzjoni Laburista fl-aħħar 13-il sena – fatt tant rari li Robert Abela nnifsu ħass li kellu jiċċelebrah b’tant pompa u tberbiq ta’ miljuni ta’ ewro.
//= $special ?>
