Benedetto Santapaola, wieħed mill-aktar kapijiet mafjużi brutali li, għal snin, mexxa renju ta’ terrur fi Sqallija, miet f’ħabs ta’ Milan fl-età ta’ 87 sena.
Santapaola se jibqa’ magħruf bħala ‘il-moħħ’ wara l-assassinju, fl-1992, ta’ Giovanni Falcone; il-prosekutur famuż antimafja li tilef ħajtu fi splużjoni ta’ karozza-bomba f’Capaci. F’dan l-attakk storiku kontra l-Ġudikatura Taljana kienu nqatlu anki l-mara ta’ Falcone flimkien ma’ tliet uffiċjali tal-pulizija.
Ġimgħat wara l-attakk, Paolo Borsellino, maġistrat ieħor antimafja, ukoll inqatel fi splużjoni ta’ karozza-bomba li anki swiet il-ħajja tal-bodyguards tiegħu.
“Nitto” Santapaola kien inqabad fl-1993 wara snin jiżgiċċa lill-pulizija. Hu, intant, skonta aktar minn 30 sena ta’ priġunerija talli instiga sensiela ta’ omiċidji u attakki oħra.
Fl-2006, Santapaola kien ikkundannat il-ħabs għal għomru għas-sehem tiegħu fil-qtil ta’ Falcone u Borsellino. Hu kien ukoll ikkundannat għall-omiċidju, fl-1984, tal-ġurnalista, Pippo Fava.
Santapaola – imlaqqam ‘cacciatore’ (il-kaċċatur) – kien beda l-karriera kriminali f’Katanja bħala membru tal-Mafja ta’ Sqallija.
Maż-żmien, hu, bħala ‘Capo’ mafjuż kien ukoll responsabbli mill-qtil ta’ Alfio Ferlito, mafjuż ewlieni ieħor minn Katanja u ta’ tliet uffiċjali oħra tal-pulizija… omiċidji li kienu seħħew fl-1982.
//= $special ?>

