Raġel minn Ħaż-Żabbar kien ikkundannat għal 18-il xahar priġunerija sospiżi għal sentejn wara li ammetta l-akkużi ta’ vjolenza, theddid u fastidju fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.
Ir-raġel ta’ 62 sena kien immultat ukoll €500 filwaqt li tħabbret ordni ta’ trażżin favur il-vittma u ordni ta’ trattament għall-akkużat.
Dan kollu wara episodji li seħħew f’Ħal Balzan u fil-Fgura tul ix-xahar ta’ Frar li għadda u fil-ġimgħat ta’ qabel.
Fil-Qorti ntqal kif it-tnejn li huma kienu jaħdmu fl-istess każin u li wara li l-vittma tterminat ir-relazzjoni tagħhom f’Mejju 2025 l-imputat baqa’ jiffastidjaha fuq il-post tax-xogħol.
Intqal kif il-vittma bdiet relazzjoni ġdida bl-imputat imur quddiem id-dar tagħha u hemm seħħ argument bejn is-sieħeb il-ġdid tal-mara u l-akkużat.
Hawnhekk issejħu l-Pulizija fejn iż-Żabbari kien arrestat u sussegwentament ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti għarfet l-ammissjoni tal-akkużat u għalhekk ikkonkludiet li piena effettiva ta’ ħabs ma kinitx se tkun proporzjonata.
//= $special ?>

