Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal żewġ żgħażagħ wara li nstabu ħatja li attakkaw raġel fil-Furjana

Żewġ żgħażagħ ingħataw sentenza sospiża wara li nstabu ħatja li attakkaw raġel u serqulu l-basket fil-Furjana.

Il-każ seħħ f’Diċembru tal-2023, meta l-vittma wasal il-Furjana permezz ta’ xarabank meta minnufih avviċinawh Mutez Ferjani, ta’ 19-il sena, u Salah Sabar, ta’ 20 sena. Hawn, Salah talbu sigarett filwaqt li Ferjani ipprova jisraqlu l-basket.

Fil-Qorti instema kif il-vittma pprova jinnegozja magħhom u saħansitra offrielhom il-flus biex iħalluh waħdu, iżda dawn injorawh u attakkawh.

Filwaqt li l-akkużati rnexxielhom jaħarbu mill-post bil-basket tal-vittma, matul il-ġlieda, il-vittma sofra xi daqqiet ta’ sikkina f’saqajh bl-istess sikkina li ntużat biex taqta’ ċ-ċinga tal-basket.

Fil-borża kien hemm il-card ta’ Revolut tal-vittma, li saru attentati biex tintuża f’diversi postijiet, fosthom f’kjosk fil-Ħamrun.

Diversi minn dawn it-tranżazzjonijiet fallew minħabba li l-vittma rnexxielu jiffriża l-karta fil-ħin. Mill-filmati tas-sigurtà barra l-kjosk fil-ħin li saret it-tranżazzjoni, il-pulizija identifikat lill-akkużati.

Ferjani ġie arrestat fil-jiem ta’ wara fid-dar tiegħu, fejn il-pulizija sabet il-card ta’ Tallinja tal-vittma. Dan filwaqt li Salah ġie arrestat l-għada, u nstab fil-pussess ta’ mowbajl. Ġie nnutat li dan il-mowbajl kien relatat ma’ rapport ieħor ta’ serq li kien sar mal-Pulizija.

Fix-xhieda tiegħu, Ferjani qal li ħabib tiegħu u ta’ Salah kien qed iħeġġiġhom jitilqu mill-pajjiż.

Huma kellhom bżonn il-flus u, peress li ma kinux qed jaħdmu dak iż-żmien, iddeċidew li jakkwistaw il-flus permezz tas-serq.

Ferjani kkonferma li kien Salah li jidher fil-filmati tas-CCTV u qal li kienu nefqu l-flus misruqa kollha fuq alkoħol u sigaretti.

Huwa ammetta wkoll li flimkien mal-akkużat l-ieħor kienu wettqu żewġ serqiet oħra fejn serqu mowbajls.

Meta xehed Salah, huwa ċaħad li ħa sehem fiż-żewġ serqiet l-oħra u ammetta biss għas-serqa li seħħet fis-16 ta’ Diċembru. Huwa wkoll ċaħad li kien iġorr sikkina.

Il-qorti sabet liż-żewġt irġiel ħatja u ordnat li jitqiegħdu taħt probation għal tliet snin.

Barra minn hekk, Salah ingħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs sospiża għal sentejn wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi u li żamm lill-vittma kontra r-rieda tiegħu.

Ferjani kien rappreżentat mill-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li Sabar kien assistit mill-avukat Nicholas Mifsud. Il-Maġistrat Leonard Caruana ppresieda s-seduta.