Fil-preżent qed issir analiżi ta’ sitwazzjoni rari li seħħet ftit ‘il hinn minn Malta u li kienet tinvolvi tanker tar-Russja b’kunsinna ta’ gass likwidifat li nqered fi splużjoni waqt li kien f’zona ta’ baħar bejn pajjiżna u l-Libja.

L-indikazzjonijiet huma li t-tanker seta’ intlaqat minn sea drone sparat minn bażi mal-kosta tal-Libja li qegħdin jużaw l-Ukreni. L-inċident seħħ kmieni t-Tlieta filgħodu u mhux eskluż li t-tanker seta’ kien parti mill-flotta sigrieta tal-vapuri li qed jużaw ir-Russi biex inaqqsu l-impatt tas-sanzjonijiet internazzjonali fuq pajjiżhom.
Il-bastiment kien għabba kunsinna tal-gass likwidifat (LNG) fil-port ta’ Murmansk fit-18 ta’ Frar li għadda qabel ivvjaġġa mill-ibħra tar-Renju Unit u Spanja sakemm wasal fiz-zona tal-Mediterran ‘il hinn minn Malta.. It-tanker – l-Arctic Metagaz – hu twil 277 metru u kien inbena fl-2003.
Ir-rappreżentanti tad-Diaplous Group – kumpannija marittima u ta’ risk management ibbażata l-Greċja – kienu fost l-ewwel li konfermaw in-nirien fuq it-tanker li, skont ir-rapporti, kien wasal sa 30 mil nawtiku ‘il hinn mill-kosta ta’ Malta lejn il-Grigal.
Mifhum ukoll li t-tanker inkiser fost sensiela ta’ splużjonijiet, bil-membri tal-ekwipaġġ jispiċċaw salvati mill-baħar b’diffikultà qabel kienu trasferiti fuq vapur ieħor.
Sadanittant, għadu mhux ċar jekk l-isplużjonijiet fuq it-tanker seħħewx meta l-bastiment kien fiz-zona tas-search and rescue ta’ Malta…Dan meta hemm ukoll probabbiltà li l-allegat attakk seħħ proprju f’zona li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni diretta tal-Libja.
Ftit tal-ħin ilu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, ħareġ post fuq il-media soċjali fejn qal li hu u x-Shadow Minister Darren Carabott, waqt laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Intern, Byron Camilleri, offrew l-għajnuna lill-Gvern u talbu wkoll li, bħala Oppożizzjoni, ikunu infurmati b’dak li għaddej. Alex Borg appella wkoll li f’sitwazzjonijiet bħal dawn ħadd ma għandu jinħakem mill-partiġġjaniżmu politiku.



