Sport

Żiemel Taljan jirbaħ it-Tazza tal-President

Fil-korsa taż-żwiemel fil-Marsa saru d-disa’ u l-għaxar laqgħat tas-sena. B’kollox saru 19-il tiġrija tat-trott fejn spikkat l-aktar il-finali tat-Tazza tal-President organizzata bl-appoġġ ta’ EquestriMalta. Din saret fuq distanza qasira ta’ 2140m metru u ntrebħet mit-Taljan DJ Spritz misjuq mis-sewwieq żagħżugħ Għawdxi Daniel Hili.

B’kollox 12-il żiemel ġrew fil-finali tat-Tazza tal-President. Kif mistenni kien it-Taljan u favorit DJ Spritz ta’ Daniel Hili kien l-aktar b’saħħtu mill-bidu u minnufih fetaħ vantaġġ żgħir minn Diablo D’Herfraie ta’ Jesmar Gafa’ u Rampant ta’ Cherise Farrugia. 500 metru mit-tmiem DJ Spritz li kien għadu għaddej b’saħħa kbira rnexxilu jtemm faċilment fl-ewwel post b’tul u nofs mill-istess Diablo D’Herfraie u Extra Du Chatelet ta’ Ludvic Ghigo. Zinfandel ta’ Charles Camilleri temm ir-raba’ minn Eldorado De Ver ta’ Noel Baldacchino. Ir-rebbieħ kellu medja impressjonanti ta’ 1.12.1” fil-kilometru u għal dan it-Taljan din kienet ir-raba’ rebħa minn daqstant tiġrijiet f’ Malta.

Fi tmiem il-finali, l-Aġent President ta’ Malta Helena Dalli ppreżentat it-trofew prestiġuż lil Daniel Hili u lil Michael Camilleri, is-sewwieq u s-sid rispettivament taż-żiemel rebbieħ. Dan kien l-ewwel suċċess f’finali ewlenija għal Daniel Hili. Preżenti wkoll għall-preżentazzjoni kien hemm uffiċjali minn EquestriMalta, Malta Equidrome u l-Malta Racing Club.    

Saru wkoll tliet tiġrijiet tal-ponijiet misjuqa minn tfal. Dawn intrebħu minn Il Lullu ta’ Sven Caruana, Flash ta’ Matthias Bezzina u Cio ta’ Shazney Abela.