Il-maġġoranza tal-udjenza tal-programm il-Każin jaqblu li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jirrispettax l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna b’xejn inqas minn 87%.
Dan ħareġ waqt dibattitu f’xandira diretta li seħħ fuq l-imsemmi programm bejn ix-Shadow Minister Darren Carabott u d-Deputat Laburista Ramona Attard b’Darren Carabott jinsisti li ma jistax ikun li jibqa’ jkollna Gvern imwaħħal fil-passat u l-partiġjaniżmu sfrenat.
Ix-Shadow Minister spjega d-differenza fil-proposta taż-żewġ partiti fil-Parlament dwar l-anti deadlock mechanism b’rabta mal-ħatra tal-Prim’Imħallef hekk kif insista li l-Partit Laburista qed jipproponi maġġoranza sempliċi filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi kumitat magħmul fost oħrajn mill-Ministru tal-Ġustizzja u x-Shadow Minister tal-Ġustizzja.
Dan filwaqt li l-akbar diskussjoni kienet qed iddur mad-dikjarazzjoni ġuramentata tal-Imħallef Wenzu Mintoff fejn fost oħrajn sostna li ltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela fl-uffiċċju tiegħu fejn l-Imħallef Wenzu Mintoff sostna li Robert Abela qallu li mhux se jagħżlu biex ma jelevax il-kelma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.
Fl-ebda mument Ramona Attard ma saħqet li staqsiet lill-Prim Ministru Robert Abela jekk jiċħadx jew le iżda baqgħet tinsisti li temmen lil Abela. Madanakollu fl-ebda mument ma wieġbet għalfejn il-Prim Ministru Robert Abela mhux qiegħed jiċħad dak li ingħad fl-uffiċċju tiegħu, laqgħa li kemm-il darba kkonferma li saret, laqgħa li qatt ma kellha ssir minħabba li l-membri tal-ġudikatura ma jistgħux jiltaqgħu mal-membri tal-Eżekuttiv.
Id-Deputat Ramona Attard iddeskriviet dan kollu bħala wieħed, “li dan l-iskandlu mhux l-akbar skandlu”…iżda tal-inqas għarfet li huwa skandlu, bix-Shadow Minister Darren Carabott ifakkar li l-Membri Parlamentari għandhom alleanza mhux lejn il-partiti politiċi iżda ħalfa lejn il-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll lejn il-pajjiż.
Spikka l-fatt li l-Membru Parlamentari Laburista Ramona Attard ma tafx x’inhi d-differenza bejn Kap ta’ Stat u Kap tal-Eżekuttiv – hekk kif iddeskriviet lill-Prim Ministru Robert Abela bħala Kap ta’ Stat madanakollu huwa bażiku l-fatt li l-Prim Ministru huwa Kap tal-Eżekuttiv….bil-Kap ta’ Stat hija l-President ta’ Malta, żball li għarfet li għamlet diversi minuti wara.
Iżda huwa żball li jixhed il-mentalità li bih il-Gvern Laburista qiegħed imexxi dan il-pajjiż u kif iħares lejn il-pilastri tad-demokrazija.
//= $special ?>

