Qed ikun deskritt mill-partitarji ta’ Nocerina bħala pass storiku. Dan hekk kif ilbieraħ, kien konfermat li sa tmiem Marzu, Joseph Portelli se jieħu f’idejh dan it-tim Taljan.
Skont is-sit Nocerina Live, li t-Tlieta saret laqgħa online li fiha Portelli wasal fi qbil mal-azzjonisti attwali biex jixtri dan il-club li jinsab qrib Napli.
“Qen naraw it-twelid tan-Nocerina ta’ Portelli”, iddikjaraw is-siti fl-Italja.
Skont tagħrif li ħareġ sa issa, Joseph Portelli diġà qabel fil-prinċipju ma’ dan l-akkwist u kif se jieħu f’idejh it-tmexxija ta’ dan it-tim. Għalkemm issa jeħtieġ tissejjaħ laqgħa straordinarja tal-azzjonisti sabiex isir uffiċjalment it-trasferiment tal-ishma.
AĠĠORNATA – Il-Grupp tal-imprenditur Għawdxi, Joseph Portelli, beda’ proċess ta’ due diligence qabel tittieħed deċiżjoni fuq ix-xiri ta’ Noċerina
Intant Net News kompla jkompli din l-istorja, fejn tkellem ma’ Marcel Bonnici, Kap Eżekuttiv tal-Grupp JP Portelli u li flimkien ma’ Joseph Portelli jinsab fuq quddiem fid-diskussjonijiet u n-negozjati li qed isiru ma’ Nocerina.
Bonnici spjegalna li mil-bieraħ beda’ proċess importanti, li mistenni jieħu ġimgħatejn, fejn il-Grupp tal-imprenditur Malti, se jkun qed jagħmel due diligence fid-dettall tal-klabb.
Il-kumpanija Maltija qabdet nies apposta, biex sa qabel it-tmiem ta’ dan ix-xahar, iħejju rapport dettaljat li jevalwa u jivverifika l-informazzjoni kollha importanti dwar il-klabb li preżentament jifforma parti mis-Serie D Taljana. Dan ir-rapport ta’ due diligence hu meħtieġ qabel Portelli jixtri uffiċjalment il-klabb għaliex mill-konkluzzjonijiet li se jinħarġu minn dan ir-rapport, l-investitur, f’dan il-każ Portelli, se jkun qed jieħu deċiżjoni finali dwar jekk ikomplix bi-diskussjonijiet jew le ma’ Nocerina, u allura jekk fl-aħħar mill-aħħar jekk l-imprenditur Għawdxi, jixtrix il-klabb Taljan.
F’termini aktar sempliċi dan ir-rapport ta’ due diligence jgħin lil min ikun se jixtri, sabiex jifhem ir-riskji, l-opportunitajiet u l-valur veru ta’ dak li se jkun qed jakkwista, ċioé li Portelli ssir sid ta’ Nocerina.
Bonnici kkonferma ma’ Net News li dan hu proċess importanti ħafna u li minn dak li se jkun qed joħroġ minn dan ir-rapport, il-Grupp tal-imprenditur Malti se jkun qed jieħu deċiżjoni dwar jekk dawn in-negozjati jkomplux jew le.
Intant fil-jiem li għaddew, il-media fl-Italja, irrapurtat ukoll li l-Grupp tal-imprenditur Portelli, kien qed jitkellem mal-klabb ta’ Ancona, liema negozjati jidhru li kienu ‘l bogħod minn xi forma ta’ qbil.
//= $special ?>

