Lokali

Din l-Art Ħelwa Għawdex se tirrestawra, tħares u tmexxi l-Batterija tal-Qbajjar

Ritrattt: Din l-Art Ħelwa Għawdex.
Dan is-sit storiku se jinżamm u jerġa’ jingħata lura għall-ġid komuni u għall-pubbliku ġenerali

Il-Kumitat ta’ Din l-Art Ħelwa Għawdex jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni mħabbra mill-Kabinett li tikkonferma li l-Gvern se jiffirma att ta’ kurazija (guardianship deed) li bih jagħti lil din l-NGO r-responsabbiltà li tirrestawra, tħares u tmexxi l-Batterija storika tal-Qbajjar f’Għawdex, b’aċċess għall-pubbliku u għall-viżitaturi tal-gżejjer tagħna, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ.

Il-Batterija tal-Qbajjar hija batterija tal-artillerija mibnija mill-Ordni ta’ San Ġwann fl-1715, bħala parti minn sensiela ta’ fortifikazzjonijiet kostali madwar il-kosti tal-Gżejjer Maltin. Hija waħda miż-żewġ batteriji li fadal f’Għawdex, u hemm oħra f’Kemmuna. Iż-żewġ batteriji, il-Batterija ta’ Sant’Antnin fil-Qala u l-Batterija ta’ Santa Marija f’Kemmuna, diġà ġew restawrati minn Din l-Art Ħelwa fil-passat.

Fis-snin sebgħin, il-Batterija ngħatat għall-użu privat bħala klabb tal-lejl u diskoteka. Inħolqot ħsara kbira permezz ta’ tħaffir u żidiet li saru aktar ’il quddiem, li kkompromettew serjament l-integrità tal-bini. F’dawn l-aħħar snin tħalliet esposta għall-elementi, b’riskju reali ta’ telf totali. B’aċċess pubbliku bla kontroll, intużat ukoll għall-ikkampjar u għal okkupazzjonijiet illegali fis-sajf, u fil-prattika saret post għar-rimi tal-iskart.

F’Ottubru 2005, is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali kienet issuġġeriet lid-Dipartiment tal-Artijiet li l-batterija tgħaddi għand Din l-Art Ħelwa, biex il-bini jinżamm kif xieraq, jitneħħew il-kostruzzjonijiet addizzjonali illegali kollha, u l-batterija tinfetaħ għall-pubbliku. Minn dak iż-żmien ’il hawn, amministrazzjoni wara oħra għamlet wegħdiet lil Din l-Art Ħelwa li l-Batterija kellha tgħaddi għand din l-Għaqda Mhux Governattiva, iżda għal diversi raġunijiet il-proċess baqa’ mwaħħal għal bosta snin, waqt li l-Batterija kompliet tiddeterjora.

Din l-Art Ħelwa Għawdex qalet li hi mħeġġia mill-appoġġ konsistenti li l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ dejjem wera u biex din il-binja arkitettonika tiġi mħarsa, kif ukoll mill-messaġġ dejjem aktar b’saħħtu minn tant persuni fis-soċjetà Maltija li l-istorja u l-patrimonju ta’ Malta u Għawdex mhumiex għall-bejgħ.