Internazzjonali

Il-Greċja: Ikkonfermati s-sentenzi għan-neo-Nażisti, snin wara l-perjodu ta’ instabbiltà

Qorti tal-Appell fil-Greċja kkonfermat is-sentenzi ta’ kundanna għat-42 imputat b’rabtiet mal-Partit neo-Nażista taż-Żerniq Dehbi….Entità estremista li snin ilu kienet ta’ theddida kbira għall-istabbilità tal-pajjiż..

Il-kundanni tal-imputati jmorru lura għall-2020 u meta Nikos Mihaloliakos, il-fundatur ta’ din l-entità neo-Nażista u sitt uffiċjali oħra tal-partit instabu ħatja dwar sehem f’organizzazzjoni kriminali mogħtija d-dehra ta’ partit politiku.

Intant, madwar 24 imputati oħra, fosthom 11-il eks deputat parlamentari, instabu ħatja dwar sħubija f’dik l-organizzazzjoni.

Il-Qorti tal-Appell f’Ateni kkonfermat anki s-sentenzi ta’ kundanna għall-qtil, fl-2013, tal-attivista tax-xelug Pavlos Fyssas li kien ukoll mużiċista.

Dan ukoll fost il-konferma tas-sentenza relatata ma’ inċident. f’Ateni, fejn grupp ta’ sajjieda Eġizzjani kienu ssawwtu u kważi nqatlu taħt idejn il-partitarji neo-Nażisti Griegi.

L-imputati qed jiffaċċjaw sentenzi b’massimu ta’ 15-il sena ħabs, għalkemm kienu biss tnejn fost it-42 imputati involuti fl-appell li preżentaw ruħhom il-Qorti biex jisimgħu l-verdett tal-Maġistrati.

Sadanittant, inġabret folla mdaqqsa barra l-bini tal-Qorti u li applawdiet id-deċiżjoni dwar il-konferma tas-sentenzi.

Il-proċess tal-appell kien beda fl-2022 u l-prosekuturi Griegi ilhom minn dak iż-żmien jinsistu biex il-Qrati jikkonfermaw il-verdetti tal-ħtija fil-konfront tal-protagonisti taż-Żerniq Dehbi.

Huma qalu li dan il-partit, jew organizzazzjoni kriminali, hu prodott ġenwin tal-ideoloġija Nażista u li l-azzjonijiet brutali tal-membri tiegħu kienu jirriflettu proprju din l-ideoloġija u l-iskopijiet malinni warajha,

Il-Partit taż-Żerniq Dehbi, fl-2012, kien spiċċa rappreżentat fi-Parlament tal-Greċja waqt l-eqqel tal-kriżi ekonomika li rrankat f’dan il-pajjiż u fejn l-istess partit kien spiċċa t-tielet l-akbar entità politika lokali, wara li rnexxielu jtella’ 18-il deputat fl-Assemblea ta’ Ateni.