Futbol Sport

Il-maroons l-ewwel semi-finalisti tal-Meridianbet FA Trophy

Għat-tielet darba f’dawn l-aħħar erba’ staġuni, Gżira United għamluha għal mal-aħħar erbgħa tal-Meridianbet FA Trophy. Il-bieraħ filgħaxija, fl-ewwel partita mil-Kwarti tal-Finali ta’ din il-kompetizzjoni, il-maroons għelbu lil Mosta 2-1.

Dan ir-riżultat jista’ jitqis bħala tpattija sportiva minn Gżira United, li fl-istaġun 2014/15 kienu sfaw eliminati mill-istess Mosta f’din il-kompetizzjoni fir-rawnd tal-aħħar 16. Dak in-nhar, Mosta kienu rebħu 4-1.

Ftit wara l-kwarta logħob, Gżira United fetħu l-iskor, mea minn attakk ta’ André, dan qassam lejn Calderon li għadda l-ballun lil Brooklyn Borg u b’xutt meqjus, dan tal-aħħar għeleb lil Anse Ngoubi Demba.

Dan l-iskor inżamm sat-tmiem tal-ewwel taqsima. Mosta ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima, u disa’ minuti wara l-intervall, Giancarlo skorja l-gowl tad-draw.

Madankollu, dan id-draw inżamm biss ġħal żewġ minuti għaliex fis-56 minuta, konkluzzjoni ta’ Andrew Borg reġgħet tefgħet lil Gżira United minn fuq.

Dan kien il-gowl tar-rebħa għall-iskwadra mmexxija mill-kowċ Darren Abdilla, b’Gżira United sar l-ewwel tim li avvanza għas-semi finali tal-Meridianbet FA Trophy hekk kif illum jintlagħbu t-tliet partiti l-oħra mill-Kwarti tal-Finali ta’ din il-kompetizzjoni.