Futbol Sport

Il-President tal-FA Iranjana, xettiku kemm l-Iran se tkun qed tilgħab fit-Tazza tad-Dinja

Jikber id-dubju jekk l-Iran tipparteċipax jew le fit-Tazza tad-Dinja ta' dan is-sajf.
Jikber id-dubju jekk l-Iran tipparteċipax jew le fit-Tazza tad-Dinja ta' dan is-sajf.

Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol Iranjana, Mehdi Taj esprima x-xettiċiżmu tiegħu dwar kemm l-Iran tista’ tipparteċipa fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, minkejja li t-tim nazzjonali ta’ pajjiżu hu wieħed mill-pajjiżi li kiseb kwalifikazzjoni għat-23 edizzjoni ta’ dan l-akbar turnament tal-futbol fid-dinja.

F’intervista mal-pjattaforma sportiva Iranjana Varzesh3, Taj qal: “Dak li hu ċert hu li wara l-attakki li saru fuq l-Iran, ma nistgħux nistennew li nħarsu lejn il-parteċipazzjoni tagħna fit-Tazza tad-Dinja li jmiss b’tama.”

L-Iran ġie inkluż fil-Grupp G tat-Tazza tad-Dinja li għall-ewwel darba se tkun qed tiġi organizzata bejn tliet pajjiżi; l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada.

It-tliet partiti li huma skedati għall-Iran, fil-fażi tal-gruppi kollha għandhom jintlagħbu fl-Istati Uniti: tnejn f’Inglewood, California, u oħra f’Seattle.

Is-Segretarju Ġenerali tal-FIFA, Mattias Grafstrom, fl-isfond tal-assemblea ġenerali annwali tal-International Football Association Board (IFAB) f’Cardiff, qal: “Għadu kmieni wisq biex nikkummentaw fid-dettall, iżda se nsegwu mill-qrib l-iżviluppi fuq kull front madwar id-dinja.”