“Huwa importanti li nkomplu nagħmlu aktar għarfien dwar is-saħħa mentali sabiex dawk in-nies li għandhom bżonn l-għajnuna jirrikorru għaliha illum qabel għada.”
Dan kien il-messaġġ li wasslet Sarah Bajada waqt żjara li kellha l-Erbgħa waranofsinhar fl-uffiċini tal-Fondazzjoni Richmond – okkażjoni li kienet parti minn sensiela ta’ żjarat li qed isiru b’rabta ma’ Jum il-Mara.

Matul din iż-żjara, Sarah Bajada tkellmet ma’ diversi ħaddiema li b’tant dedikazzjoni jgħinu numru ta’ persuni kuljum biex jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom. Infatti dawn il-professjonisti spejgaw x’inhu x-xogħol tagħhom kif ukoll rrakkuntaw xi wħud mill-każijiet li ltaqgħu magħhom matul is-snin.
F’kummenti ma’ Net News, Sarah Bajada qalet li matul din iż-żjara hija ammirat ħafna d-dedikazzjoni tal-ħaddiema li jagħmlu xogħol li żgur huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalihom.

Apparti minn hekk, Sarah Bajada spejgat ukoll li għalkemm illum il-ġurnata qed nitkellmu ħafna aktar dwar is-saħħa mentali xorta għad hemm bżonn ta’ għarfien dwar dan is-suġġett tant importanti.



Net News tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Daniela Calleja Bitar illi saħqet fuq l-importanza li l-individwu jieħu ħsieb tiegħu nnifsu – kemm fiżikament iżda kif ukoll mentalment.
Intant, għal din iż-żjara Sarah Bajada kienet akkumpanjata mix-Shadow Minister Ian Vassallo kif ukoll mit-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista Veronica Perici Calascione.




