Lokali Parlament

L-akbar ħsarat mill-maltemp seħħew max-xatt

Skont il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra, il-maġġor parti tal-ħsarat fl-aħħar maltempata kbira seħħew max-xatt. Id-dawra tax-xatt iġġarraf minħabba li ċeda s-sottobank u, konsegwentement, inqala’ r-railing u d-dawl dekorattiv. Ħafna mill-palm tul ix-xatt tqaċċat u ammont kbir ta’ ġebel ittella’ mill-baħar u kisser il-bankina. Tabelli u bins ukoll tkissru, filwaqt li xi bankijiet inqalgħu.

Meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici, il-Ministru Owen Bonnici, Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali; qal ukoll li peress li d-dawra tax-xatt hija responsabbiltà ċentrali, l-awtoritajiet relevanti ġew infurmati biex flimkien jiġi stabbilit l-aħjar mod kif tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.

Dwar il-Kalkara li, kawża tal-maltempata, il-Bajja ta’ Rinella sofriet ħsara konsiderevoli fit-turġien li jagħtu aċċess għall-bajja, fil-bankini u fit-triq li ddawwar il-bajja. Numru ta’ ġebel kbir inġema’ fit-triq u ammont sostanzjali ta’ ramel tkaxkar mill-baħar.

Meta wieġeb aktar mistoqsijet tad-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici, il-Ministru Owen Bonnici qal ukoll li f’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali Kalkara u Infrastructure Malta, tpoġġew barrikati tal-konkos f’din it-triq fil-Kalkara biex jingħalaq l-aċċess għall-vetturi fil-parti fejn sfrondat it-triq. Saru wkoll arranġamenti biex jitpoġġew tabelli sabiex il-pubbliku jiġi infurmat b’dan u jevita ż-żona. Qed isir assessjar taż-żona biex jiġi stabbilit l-aħjar mod kif tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-ħsara fit-triq.

Dwar Wied il-Għajn, ix-xogħlijiet kollha tad-dawra tax-xatt, mit-Torri ta’ San Tumas sal-knisja u dik taż-Żonqor, huma responsabbiltà ċentrali. Il-Kunsill, però, ser jagħmel użu mis-servizz ta’ surveyor li ser jiġi pprovdut mir-Reġjun sabiex jikkwantifika l-ħsarat tar-railing li nqala’, tat-triq u tal-bankina. Ir-rapport ser jiġi riferut lil Infrastructure Malta bil-possibbiltà li x-xogħol ta’ riġenerazzjoni jiġi estiż f’din il-parti wkoll.