Internazzjonali

L-Iran: L-offensiva tirranka waqt il-ħames jum ta’ ostilitajiet, b’Iżrael determinat li jelimina wkoll lis-suċċessur ta’ Khamenei

Ritratt: epa

L-Istati Uniti mhix tindika meta għandha tikkonkludi l-offensiva militari fuq l-Iran li ilha mis-Sibt u li qed titwettaq b’koordinazzjoni ma’ Iżrael. L-Amerikani qed jgħidu biss li jridu jeliminaw il-possibbiltà li l-Iran, ‘il quddiem, isir potenza nukleari, b’Washington lanqas mhu lest li jiddiskuti s-sitwazzjoni mar-Rappreżentanti ta’ Tehran.

L-Iran, illum, għandu kriżi ta’ tmexxija wara l-eliminazzjoni tal-Ayatollah Ali Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-Iran u membri ewlenin oħra tal-Ġerarkija tat-tmexxija fl-Iran, waqt l-ewwel mewġa ta’ attakki fuq pajjiżhom.

Madankollu, diversi rapporti qalu li l-Iranjani, issa, ħatru lil  Mojtaba Khamenei, iben l-Ayatollah preċedenti bħala l-Mexxej ‘ominipotenti’ tal-Istat Iżlamiku li jista’ jibqa’ għal ġimgħat taħt assedju. Qed jingħad, fil-fatt, li Mojtaba Khamenei, li għandu 56 sena, intgħażel bħala l-Ayatollah l-ġdid taħt pressjoni mill-Gwardja Repubblikana li hi l-qawwa elit tal-Iran u li għandha wkoll influwenza politika kbira.

Min-naħa tiegħu, Iżrael Katz, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan għamilha ċara li kwalunkwe suċċessur ta’ Ali Khamenei se jkun fil-mira ta’ Iżrael u tal-Istati Uniti.

Katz qal li, irrispettivament mill-identità tal-Ayatollah ġdid, ir-reġim fundamentalista f’Teheran ‘kellu u għad għandu pjan u rieda biex jeqred lil Iżrael u jkompli bit-theddid lill-Istati Uniti, fost l-oppressjoni tal-poplu Iranjan’. Il-messaġġ, f’dan il-każ, hu ċar – jiġifieri li kwalunkwe Mexxej Suprem Iranjan għandu jkun mira ewlenija għall-missili u d-drones tal-Iżraeljani.

Il-messaġġ ingħata wkoll  waqt li l-Istat Iranjan iddeċieda biex jipposponi ċerimonja solenni f’Tehran b’rispett għal Ali Khamenei u li suppost kellu jdum għal tlett ijiem qabel il-purċissjoni funebri.

Aktar attakki fuq Teheran

Il-kapitali Iranjana, Teheran, kompliet tidwi bl-isplużjonijiet wara li l-qawwiet Iżraeljani mill-ġdid laqtu lill-għexieren tal- miri militari fl-inħawi.

Il-qawwiet Iżraeljani konċentraw l-aktar fuq il-kwartieri ġenerali tal-paramilitari ta’ Basij li għandhom il-konnessjonijiet mal-Gwardja Repubblikana tal-Iran u bl-assedju jolqot anki lis-sistemi tad-difiża flimkien mas-siti minfejn l-Iranjani jisparaw il-missili. Fl-attakki nqerdu wkoll is-sistemi ta’ loġistika affiljati mal-qawwiet tal-art Iranjani.

Iżrael għamilha ċara li l-qawwiet tiegħu, fil-jiem li ġejjin, se jintensifikaw l-attakki fuq l-infrastruttura tar-reġim Iranjan. Dan ukoll waqt li l-Iżraeljani fetħu burraxka oħra ta’ missili fuq il-milizji tal-Ħeżbollah, l-alleati tal-Iran, fil-Libanu.

L-aħħar rapporti mil-Libanu kkonfermaw li nqatlu numru mhux magħruf ta’ milizji fost l-attakki fuq il-faċilitajiet tal-Ħeżbollah. Dan waqt li l-Iżraeljani ħarġu direttivi biex iċ-ċivili jevakwaw immedjatament mill-ibnadi tal-Libanu lejn in-nofsinar qabel kellha sseħħ mewġa oħra ta’ attakki.

Intant, il-Gvern Amerikan qal li wieħed mis-sottomarini tiegħu rnexxielu jgħarraq bastiment tal-gwerra tal-Iran fl-Oċean Indjan. Il-bastment, bl-isem Iris Dena, intlaqat minn torpedo u għereq ftit ‘il hinn mis-Sri Lanka, fost rapporti li kien hemm mal-140 nieqsa minn fost l-ekwipaġġ. In-Navy tas-Sri Lanka wieġeb għas-sejħa ta’ emerġenza fejn irnexxielu jsalva lill-għexieren tan-nies mill-baħar.

Ħarġu wkoll il-filmati ġodda dwar in-nirien li ħakmu lill-konsulat tal-Istati Uniti f’Dubaj wara li l-kumpless intlaqat minn drone tal-Iranjani. Kien ukoll ikkonfermat li l-missili sparati mill-Iran laqtu bażi tal-ajru tal-Amerikani fil-Qatar.

L-awtoritajiet fl-Arabja Sawdija u l-Kuwajt, fl-aħħar sigħat, ukoll irrappurtaw attakki ġodda bil-missili mill-Iran fuq il-bażijiet tal-Amerikani f’arthom. Dan ukoll waqt li t-Turkija sostniet li d-difiżi tan-NATO irnexxielhom iwaqqgħu missila tal-Iranjani sparata lejn artha u li laħqet daħlet fl-ispazju tal-ajru tat-Torok.

Is-sorsi infurmati li qed jirċievu l-informazzjoni mill-Iran qalu li s-sitwazzjoni għaċ-ċivili f’dan il-pajjiż qed taqleb għall-agħar minn ġurnata għall-oħra. L-entitajiet favur id-drittijiet umani, intant, sostnew li, sal-bieraħ, kienu nqatlu tal-anqas 1,200 ċivili waqt l-offensiva tal-Amerikani u l-Iżraeljani.

L-iskeda tat-titjiriet ‘il barra mill-Golf u l-Lvant Nofsani, sadanittant, huma aktar ikkumplikati milli wieħed seta’ jobsor, fost l-isforzi għall-evakwazzjoni tal-barranin, fosthom il-mijiet taċ-ċittadini Ewropej.