“Dan huwa l-iżvilupp li rridu naraw f’pajjiżna. Żvilupp li jgħaqqad l-ambjent u l-kultura Maltija ma’ bini li jwassal servizz ta’ kwalità”
Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta l-Erbgħa filgħodu żar il-lukanda Verdala Wellness fir-Rabat, fejn seta’ jara proġett li sar b’mod li jgħaqqad il-ġebla Maltija, il-wirt tal-Verdala u l-ambjent naturali mal-iżvilupp.



Alex Borg spjega illi huwa importanti li jkun hawn aktar żvilupp ta’ dan it-tip. Żvilupp ta’ kwalità li mhux jiġġieled mal-ambjent naturali ta’ pajjiżna imma li jamalgamah b’mod li jkun ta’ benefiċċju għall-benesseri ta’ dawk kollha li jiġu f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien milqugħ mill-management ta’ din il-lukanda u mill-imprenditur Anġlu Xuereb illi tkellem ma’ NetNews dwar dan il-proġett. Fejn spjega illi investiment bħal dan kien fih ħafna ħsieb – fosthom anke minħabba l-fatt li l-lukanda hija bbażata ħafna fuq is-saħħa mentali u l-benesseri ta’ dawk li jżuru l-post.


Anġlu Xuereb appella sabiex żviluppaturi oħra jieħdu din l-idea li jgħaqqdu l-iżvilupp mal-ambjent u l-benesseri, filwaqt li jattiraw turisti ta’ kwalità. Fejn anke stieden lill-mexxejja tal-pajjiż sabiex iżuru din il-lukanda – u jaraw kif l-investiment u l-iżvilupp jista’ jaħdem id f’id mal-kwalità u l-ambjent.
Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Shadow Ministers Mario Demarco, Ryan Callus u Bernice Bonello flimkien mal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista David Pace Ross.



