Lokali

Lejla ta’ Poeżija fil-Konkatidral

Kappella Anglo-Bavarja;
Inħoll l-Ilħna u l-Ilsna l-Oħra

Il-Konkatidral ta’ San Ġwann u Inizjamed qed jikkollaboraw flimkien għal lejla ta’ poeżija nhar it-Tlieta, 17 ta’ Marzu, qabel il-Jum Dinji tal-Poeżija fil-21 ta’ Marzu. Din il-kollaborazzjoni, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, tiġbor flimkien żewġ istituzzjonijiet kulturali ewlenin f’Malta f’ċelebrazzjoni tal-kelma mitkellma u miktuba, fl-isfond ta’ ġawhra tal-arti u l-arkitettura Barokka.

Il-lejla ġġib isimha — Inħoll l-Ilħna u l-Ilsna l-Oħra — mill-poeżija “Mestiza” ta’ Myriam Montoya, bi traduzzjoni għall-Malti ta’ Simone Galea, ippubblikata fi xtaqt li kont merkurju (Inizjamed, 2022). Dan it-titlu jirrifletti l-ispirtu ta’ lejla fejn il-poeżija se tidwi tul tmien kappelli f’daqstant lingwi.

L-attività se tieħu l-forma ta’ żewġ mixjiet poetici fil-kappelli laterali tal-Konkatidral, kull waħda ddedikata għal lingwa differenti tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann u kull waħda ġġorr magħha tradizzjoni lingwistika u letterarja distinta. Waqt li jimxi matul il-kappelli ta’ Kastilja, León u l-Portugall; Aragona, Katalonja u Navarra; Auvergne; Anglo-Bavarja; Provenza; Franza; il-Ġermanja; u l-Italja, il-pubbliku se jesperjenza testi poetici bil-lingwi rispettivi. F’kull każ, se jinqraw ukoll traduzzjonijiet bil-Malti u/jew bl-Ingliż.

L-ewwel mixja poetika li tibda fis-7.30pm se tkun immexxija minn Maria Christina Zammit, u t-tieni mixja poetika (identika għal tal-ewwel) li tibda fit-8.30pm se tkun immexxija minn Jeremy Grech. Kull mixja twiegħed vjaġġ intimu u immersiv fil-lingwa, l-istorja u l-arti.

Il-lejla qed tiġi kkurrata minn Inizjamed u t-tim tagħha taħt id-direzzjoni artistika ta’ Leanne Ellul, bis-skript maħdum minn Leanne Ellul u Jake Buttigieg flimkien mal-kitbiet tal-awturi. Numru ta’ qarrejja minn sfondi differenti se jagħtu l-ħajja lil xogħlijiet ta’ Astrid Alben (tr. Antoine Cassar), Clare Azzopardi (tr. Martina Reinecke), Samantha Barendson (tr. Gioele Galea, Dom Gabrielli), Lilia Ben Romdhane (tr. Immanuel Mifsud), Keith Borg (tr. Maria Frendo), Rainer Maria Rilke (tr. Priscilla Cassar), Alphonse Daudet (tr. Joe Pulè), Miquel Desclot (tr. Pierre J. Mejlak), Marc Delouze (tr. Nadia Mifsud), Leanne Ellul (tr. Virginia Monteforte), Claudia Gauci (tr. Giuseppe Goffredo), Elizabeth Grech, Adrian Grima (tr. Rui Cóias), Nadia Mifsud, Dun Karm Psaila (tr. Ġużè Delia), u San Ġwann tas-Salib (tr. Ġorġ Peresso).

Il-qarrejja għal-lejla huma: Simone Azzopardi, Kit Azzopardi, Jean Paul Borg, Kurt Borg, Jake Buttigieg, Leanne Ellul, Claudia Gauci, Marilyn Mallia, Patricia Micallef, Immanuel Mifsud, Justine Somerville, Klara Vassallo, Maxine Tanti, u oħrajn.

Din il-kollaborazzjoni tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Konkatidral ta’ San Ġwann lejn l-arti u l-kultura, kif ukoll l-ftuħ tiegħu għall-poeżija bħala preżenza ħajja fi ħdan il-ħitan storiċi tiegħu. Il-parteċipazzjoni ta’ Inizjamed, min-naħa tagħha, tibni fuq id-dedikazzjoni fit-tul tal-organizzazzjoni għat-traduzzjoni — kemm lejn il-Malti kif ukoll mill-Malti għal lingwi oħra.

L-attività hija miftuħa għal kulħadd b’donazzjoni ta’ €10. Għall-biljetti żuru www.stjohnscocathedral.com.