Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iddiskuta l-importanza tal-ħidma li ssir mill-NGOs meta ltaqa’ mal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju – laqgħa li saret fil-binja tal-Parlament, fejn Alex Borg akkumpanjat mix-Shadow Minister David Agius.
Waqt din il-laqgħa, il-Kap tal-PN insista li l-voluntieri u l-għaqdiet volontarji huma l-pilastru tas-soċjetà.
Filwaqt li faħħar il-ħidma ta’ aktar minn 2,000 għaqda li jum wara ieħor itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, Alex Borg għaraf li hemm bżonn aktar rikonoxximent lejn dan is-settur mhux biss bil-paroli, iżda permezz ta’ sostenn istituzzjonali.
Issemmiet ukoll il-proposta tax-Shadow Minister David Agius – li l-Kummissarju tal-Volontarjat għandu jkun uffiċjal tal-Parlament u mhux tal-Gvern. U li jinħatar b’maġġoranza ta’ żewġ terzi sabiex tkun garantita l-indipendenza tiegħu.
Dan filwaqt li issemmiet il-ħtieġa ta’ inqas burokrazija għall-għaqdiet, u l-introduzzjoni ta’ database waħda biex il-ħidma tkun aktar faċilitata.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg insista li l-għaqdiet volontarji m’għandhomx ikunu kostretti jittallbu għall-fondi u għalhekk il-ħidma tagħhom għandha tkun aktar sostnuta b’mod strutturat. Dan permezz ta’ struttura nazzjonali ta’ solidarjetà.
Intant ġiet diskussa wkoll il-ħidma tal-Kunsill matul l-aħħar 3 snin kif ukoll l-istrateġija nazzjonali għal volontarjat sas-sena 2030 – filwaqt li l-Kunsill ippreżenta numru ta’ proposti sabiex il-Partit Nazzjonalista jikkunsidra fix-xhur u l-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>

