Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
Fl-aħħar ġimgħat, is-sitwazzjoni fl-Iran kompliet teskala u qajmet tħassib serju fuq livell internazzjonali. It-tensjoni bejn l-Iran u pajjiżi oħra fir-reġjun, b’mod partikolari mal-Iżrael u mal-Istati Uniti, kompliet tiżdied wara sensiela ta’ attakki u theddid militari li wasslu għal realtà kerha li wasslet għal kunflitt aktar mifrux fir-reġjun kollu.
L-Iran, li ilu snin sħaħ f’relazzjoni tensa mal-Punent minħabba l-programm nukleari tiegħu u l-appoġġ lil gruppi armati fir-reġjun, issa jinsab f’fażi delikata fejn kull pass jista’ jwassal għal konsegwenzi kbar mhux biss għar-reġjun iżda għad-dinja kollha.
Instabbiltà f’zona kruċjali għall-enerġija
Dan il-kunflitt ma jfissirx biss ġlied dirett bejn pajjiżi; ifisser ukoll instabbiltà f’zona li hija kruċjali għall-provvista tal-enerġija globali. Il-Gulf u l-inħawi tal-Madwar huma sors importanti ta’ żejt u gass, u kull theddida għal dawn ir-rotot se twassal għal żieda fil-prezzijiet internazzjonali.
Meta jogħlew il-prezzijiet taż-żejt, l-effett jinħass kważi immedjatament madwar l-Ewropa kollha. Għal pajjiż żgħir bħalma huwa Malta, id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija u fuq il-kummerċ internazzjonali hija vitali. Għalhekk, anki jekk Malta tinsab ’il bogħod mill-kamp tal-battalja, il-konsegwenzi ekonomiċi jistgħu jħallu effett.
Wieħed mill-iktar punti sensittivi huwa l-impatt possibbli fuq il-prezz taż-żejt. Jekk il-prezzijiet internazzjonali jiżdiedu b’mod qawwi, il-Gvern Malti jista’ jiffaċċja pressjoni biex iżomm jew iżid is-sussidji biex jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn żieda fl-għoli tal-ħajja. Dan ifisser piż akbar fuq il-finanzi pubbliċi.
Barra minn hekk, tali instabbiltà fir-reġjun tista’ taffettwa lis-settur tat-turizmu jekk is-sigurtà fl-Mediterran tkun taħt theddida, anki jekk Malta ma tkunx involuta direttament.
Aspett ieħor importanti huwa s-sigurtà ta’ Maltin li jgħixu jew jaħdmu fil-pajjiżi tal-Gulf u fl-inħawi. F’sitwazzjonijiet ta’ tensjoni militari, il-Gvern irid ikun lest biex joffri assistenza jew anki jorganizza evakwazzjonijiet jekk din il-qagħda tkompli teskala. Dan jirrikjedi koordinazzjoni diplomatika u loġistika delikata, speċjalment meta l-ispazju tal-ajru jew il-portijiet ikunu affettwati mill-kunflitt.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru Robert Abela appella għall-kalma u l-għaqda nazzjonali. Huwa sostna li Malta trid tibqa’ tippromwovi d-djalogu u s-soluzzjonijiet diplomatiċi, filwaqt li tassigura li l-interessi tal-poplu Malti jkunu mħarsa. Abela enfasizza li l-Gvern qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi u qed jipprepara għal kull xenarju possibbli, kemm fuq livell ta’ sigurtà kif ukoll ekonomiku. Fisser li f’mumenti ta’ kriżi internazzjonali, l-iktar ħaġa importanti hija l-istabbiltà u s-serħan tal-moħħ tal-familji Maltin.
Responsabbiltà u koperazzjoni
Fil-Parlament tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg li qal li dan mhuwiex żmien għal polemika politika, iżda għal sens ta’ responsabbiltà u koperazzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Oppożizzjoni lesta tappoġġja miżuri li jkunu fl-interess nazzjonali, speċjalment fejn tidħol is-sigurtà tal-Maltin barra minn xtutna u l-ħarsien tal-ekonomija. Fl-indirizz tiegħu enfasizza fuq il-bżonn li Malta tibqa’ vuċi favur il-paċi u kontra kull eskalazzjoni li tista’ twassal għal aktar kumplikazzjonijiet.
L-iżviluppi fl-Iran qed iħallu impatt dirett ukoll fuq l-Unjoni Ewropea li għandha interess strateġiku qawwi fl-istabbiltà tal-Lvant Nofsani. L-UE tiddependi fuq ir-reġjun mhux biss għall-provvista tal-enerġija, iżda wkoll għas-sigurtà marittima u għall-kontroll tal-immigrazzjoni.
Kull eskalazzjoni militari tista’ toħloq pressjoni ġdida fuq il-fruntieri Ewropej, kemm minħabba movimenti ta’ refuġjati kif ukoll minħabba theddid potenzjali għar-rotot kummerċjali fil-Baħar Mediterran u lil hinn.
Ta’ tħassib serju għall-UE huwa l-impatt fuq is-sigurtà tal-enerġija. Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, l-Ewropa kienet diġà bdiet tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-Russja u tfittex sorsi alternattivi ta’ gass u żejt. Din il-kriżi ġdida fil-Gulf issa tista’ tfixkel dawn l-isforzi u twassal għal splużjoni kbira fil-prezzijiet internazzjonali. Dan ipoġġi, għalhekk, pressjoni fuq il-gvernijiet Ewropej biex jipproteġu lill-konsumaturi u n-negozji minn żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-inflazzjoni.
Barra minn hekk, l-UE għandha wkoll interess fil-protezzjoni tal-kummerċ globali. Parti sostanzjali tal-kummerċ Ewropew tgħaddi minn rotot marittimi li jistgħu jiġu affettwati minn instabbiltà jew theddid militari. Mela, nistgħu nifhmu li kwalunkwe tfixkil jista’ jwassal għal tfixkil fir-rotot tal-provvista, żieda fl-ispejjeż tat-trasport u pressjoni fuq l-industriji Ewropej.
Kriżi li taffettwa wkoll lill-Ewropa
Għal pajjiżi membri bħal Malta, is-sħubija fl-UE tfisser li l-isfidi ma jiġux affrontati waħedhom. Hemm mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u solidarjetà Ewropea, kemm f’termini ta’ politika barranija kif ukoll ta’ appoġġ ekonomiku. Fl-istess ħin, Malta bħala stat membru tipparteċipa fid-diskussjonijiet u fid-deċiżjonijiet komuni dwar kif l-UE għandha tirreaġixxi għal kriżijiet internazzjonali bħal dawn b’għaqal u b’viżjoni.
Għaldaqstant, il-kriżi fl-Iran mhijiex biss kwistjoni reġjonali jew bilaterali, iżda sfida li taffettwa direttament lill-Ewropa kollha bħalma spjegajt. F’dan il-kuntest, l-għaqda u l-koordinazzjoni bejn l-istati membri tal-UE huma kruċjali biex jiġi żgurat li r-reazzjoni Ewropea tkun bilanċjata, responsabbli u mmirata lejn il-paċi u l-istabbiltà fit-tul.
Għalkemm huwa diffiċli li wieħed ibassar kif se jiżviluppaw l-affarijiet, huwa ċar li dak li qed jiġri fl-Iran għandu implikazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri tiegħu. F’dinja globalizzata, kriżi f’reġjun wieħed tista’ tħalli effett immedjat fuq pajjiżi oħra, kemm ekonomikament kif ukoll politikament. Għal Malta, l-isfida hija li tibqa’ prudenti u politikament realistika, filwaqt li ssegwi politika barranija li tippromwovi l-paċi u l-istabbiltà.
F’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza, l-għaqda interna u l-ippjanar responsabbli jibqgħu l-aħjar garanzija biex il-pajjiż jaffronta kull maltempata li tista’ tqum fuq ix-xefaq internazzjonali.
Dan l-artiklu deher f’In–Nazzjon tal–Erbgħa 4 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

