Lokali Parlament

Parti mill-promenade tax-Xgħajra ċediet

ll-maltempata ta’ Jannar li għadda kkawżat l-erożjoni tal-pedament ta’ parti mill-promenade tax-Xgħajra u din ċediet. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi intervjena u poġġa blokki tal-konkos sabiex jagħlaq din il-parti tal-promenade. Id-dipartiment qed iħejji s-surveys u l-pjanti neċessarji sabiex din il-parti tal-promenade li ċediet terġa’ tinbena mill-ġdid.

Dwar din il-parti li ċediet tkellem fil-Parlament Chris Bonett, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi; meta wieġeb mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici.

Għal aktar mistoqsijet tad-Deputat Nazzjonalista din id-darba dwar il-Kalkara, il-Ministru Bonett qal li saru spezzjonijiet fil-Kalkara tal-ħsarat mill-maltempata. Ingħalqet iż-żona li hi ta’ periklu biex ma jkunx hemm aċċess għall-pubbliku. Fil-frattemp saret ukoll investigazzjoni biex jiġi determinat fejn jinsab il-livell tal-blat minħabba li hemmhekk hu wied. Bħalissa għaddejjin analiżi biex jiġi determinat xi struttura ser tiġi mibnija u l-estent tal-intervent bil-pjan li x-xogħlijiet jibdew ma jdumux.

Dwar il-ħsarat f’Wied il-Għajn, il-Ministru Bonett qal li qed isir eżerċizzju fejn qed jiġi determinat liema partijiet tal-istrutturi li ġew affettwati mill-maltemp ser isir intervent fuqhom u x’tip ta’ intervent.